Vjolinista Kathy Cardona Toħroġ Messaġġ Ta’ Kuraġġ
Mużiċista Kathy Cardona hija fost waħda minn dawk il-ħafna nies li ġew direttament affettwati mis-sitwazzoni tal-COVID-19. Din il-vjolinista promimenti spjegat kif dawn ix-xhur kienu ibsin ħafna għaliha peress li ġew ikkanċellati ħafna mill-attivitajiet tal-massa kif ukoll klassijiet li kienet tgħallem. B’hekk Cardona tgħid kif din is-sitwazzjoni kienet ta’ sfida għaliha, ‘kemm mentalment kif ukoll fiżikament.’ Tkompli tispjega kif irċeviet ħafna messaġġi kemm ta’ kuraġġ u kif ukoll ta’ tfaħħir minn followers tagħha li ħerqana jerġgħu jarawha ddoqq, għax kif tispjegalna hi, il-mużika tagħha tferraħhom.
Kathy però xtaqet tuża b’mod tajjeb dan il-perjodu diffiċli sabiex toffri kuraġġ lil ħafna individwi li wkoll għaddejin minn dawn il-mumenti ta’ sfida, u tgħidilhom li mhumiex waħedhom u li dan iż-żmien mhux daqstant sabiħ ,jgħaddi wkoll. L-iktar li nistgħu nagħmlu bħalissa, tkompli tgħid, hu li nkunu ta’ sapport lil xulxin. U hawnhekk ukoll Kathy tirringrazzja lill-familjari u l-ħbieb tagħha li tant kienu ta’ sapport għaliha, filwaqt li tkompli tisħaq li bħalissa huwa żmien li għandna nkunu hemm għal xulxin, għax wara kollox, kulħadd jiġi bżonn kulħadd.
Bħal ħafna artisti oħrajn, għal Kathy Cardona l-mużika hija parti kbira u fundamentali ta’ ħajjitha, li ttiha ħajja u sens ta’ skop. Huwa propju għal din ir-raġuni li ħafna mużiċisti bħal Kathy li sabu din is-sena diffiċli ħafna. Bl-aħbar tal-possibiltà ta’ vaċċin li ħarġet jiem ilu, uħud qed jerġgħu jibnu fiduċja li l-affarijiet fix-xhur li ġejjin ser jimxu ‘l quddiem.