Bil-Filmat: Janice Mangion Tniedi Kanzunetta Dwar Kif Għandna Napprezzaw Il-Ħajja
Isem sinonimu mal-użu tal-ilsien Malti fil-kanzunetta huwa dak ta’ Janice Mangion li wara s-suċċess tagħha bil-kanzunetta Kewkba fil-Malta Eurovision Song Contest 2017 nediet tal-anqas kanzunetta oriġinali bil-Malti kull sena. L-aħħar waħda, Għadu Mhux il-Waqt kienet finalista fit-43 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu. Għal prestazzjoni ta’ din il-kanzunetta, Janice rebħet it-titlu tal-Aqwa Interpretazzjoni, apparti li telgħet fil-quċċata tal-klassifika tal-iTunes għal darb’oħra.
14-il xahar wara dik l-esperjenza, wara diversi xhur ta’ ħidma fl -istudjo, kif ukoll xi postponimenti minħabba s-sitwazzjoni preżenti, Janice Mangion tniedi l-kanzunetta Sajjetta fil-Bnazzi li tagħha hija kitbet il-lirika, b’Mark Scicluna u Cyprian Cassar risponsabbli għall-mużika u l-produzzjoni. Il-messaġġ ta’ din il-kanzunetta huwa wieħed li kulħadd faċli jirrelata miegħu għaliex il-ħajja jaf tkun miexja ħarir, u f’sekonda, kollox idur ta’ taħt fuq.
“Din il-kanzunetta ktibta proprju f’dawn iż-żminijiet daqstant diffiċli, meta irrealizzajt kemm fil-ħajja ċerti affarijiet jinqalgħu mingħajr ma wieħed ikun qiegħed jistennihom. Għalhekk it-titlu, Sajjetta fil-Bnazzi. Irridu nitgħalmu napprezza aktar il-ħajja u n-nies li aħna mdawrin bihom għax malajr iqum rifnu u jtajjar kollox. B’mod ċar għall-aħħar, din il-pandemija urietna li mis-sema l-isfel kulħadd l-istess”, tgħid Janice Mangion.
Għalkemm is-sena 2020 ġiet b’diversi limitazzjonijiet, Janice żammet ruħa attiva matul dawn l-aħħar ftit xhur, billi pparteċipat fil-kanzunetta Anġli Moħbija ma’ diversi artisti oħra bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-pandemija, f’kunċert nazzjonali li sar b’mod virtwali fejn interpretat il-kanzunetta Kewkba flimkien mal-kompożitur tal-istess kanzunetta li daqq il-pjanu kif ukoll rat li l-materjal kollu li nediet ġie ppubblikat f’kumpilazzjoni diġitali.
Sajjetta fil-Bnazzi issa hija parti minn din is-sena wkoll, u l-viżwal li ħa jgħin il-promozzjoni ġie maħluq minn Far Out Visuals. Il-kanzunetta ġie ppubblikata b’mod uffiċċjali llum it-23 ta’ Ottubru. Dan ma kienx ikun possibli mingħajr s-sapport ta’ diversi entitajiet.