Il-President Jifraħ Lil Bernard Grech
Il-President ta’ Malta George Vella nnota bi pjaċir li ġie fi tmiemu l-proċess tal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija, il-President feraħ lil Dr Bernard Grech għal din il-ħatra, li qal li ġġorr magħha responsabbiltajiet mhux żgħar, u awguralu li jagħti l-kontribut kollu tiegħu, kemm bħala kap tal-partit, kif ukoll fl-irwol kostituzzjonali ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, li mistenni jassumi dalwaqt.
Dan sabiex fi kliemu, il-ħidma tiegħu, kemm politika kif ukoll parlamentari, tkun dejjem bl-għan li naraw lil pajjiżna jimxi ’l quddiem, fl-aħjar interess taċ-ċittadini kollha.
Il-President saħaq li, f’demokrazija ħajja, l-irwol ta’ Oppożizzjoni ppreparata u attiva, speċjalment fil-ħidma parlamentari, hija essenzjali u mistennija.
Fl-istess waqt, il-President rringrazzja lil Dr Adrian Delia għas-servizz li ta lill-pajjiż f’dawn l-aħħar tliet snin bħala Kap tal-Oppożizzjoni, u awguralu għall-futur.