Inawgurata Estensjoni Ġdida Fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun

 Inawgurata Estensjoni Ġdida Fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici inawgura blokka ġdida fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun flimkien mal-Prinċipal tal-Kulleġġ San Tumas More George Psaila u l-Kap tal-Iskola Anna Spiteri Meilak.

Il-Ministru Bonnici spjega li l-Iskola Sekondarja taż-Żejtun qed tkun estiża billi jinbena sular fuq kull blokka eżistenti tal-iskola. Permezz ta’ din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, żdiedu 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-disinn.”

Huwa żied li, “Fl-istess skola qed niżviluppaw laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali fosthom it-teknoloġija tal-informatika, l-ospitalità, il-hairdressing, il-media, u t-tessuti u l-moda. Permezz tat-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali, l-istudenti se jkunu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol.”

Apparti l-proġett ta’ estensjoni tal-iskola, dan il-proġett jinkludi wkoll l-immodernizzar komplet tal-iskola eżistenti. L-iskola se ssir aċċessibbli għall-istudenti kollha, permezz ta’ bini ta’ diversi lifts fil-binja kollha.

Dan mhux se jkun l-aħħar investiment fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun hekk kif se jibqa’ għaddej ix-xogħol fuq Block 4, waqt li se ssir ukoll ħidma fuq il-blokka tal-amministrazzjoni u l-landscaping taż-żoni miftuħin sabiex l-esperjenza f’din l-iskola tkompli timxi ‘l quddiem.

Dan il-proġett qed isir b’investiment totali ta’ €5 miljuni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com