Qarib Wieħed Ta’ Kull Vittma Tal-Covid-19 Mistieden Għal Quddiesa Speċjali
Nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Novembru 2020, fid-9:30 a.m., l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra quddiesa fil-festa tal-Qaddisin Kollha, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Waqt il-quddiesa tliet seminaristi fil-ħames sena ta’ preparazzjoni fis-Seminarju, ser jitolbu lill-Arċisqof biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali.
Fi stqarrija l-Kurja qalet kif it-Tnejn, 2 ta’ Novembru, fid-9:30 a.m., fit-Tifkira tal-Mejtin Kollha, l-Arċisqof ser jiċċelebra quddiesa fil-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid, b’dedika speċjali għal ruħ il-vittmi tal-COVID-19. Għal din il-Quddiesa, l-Arċisqof qed jistieden qarib wieħed ta’ kull vittma biex jattendi. Minħabba restrizzjonijiet ta’ spazju, il-qraba għandhom jinfurmaw lill-kappillan tagħhom mill-aktar fis.
Spjegat kif l-Insara huma mistiedna jitolbu wkoll għall-erwieħ kollha li marru qabilna bis-sinjal tal-fidi u bit-tama tal-qawmien mill-imwiet, biex bil-ħniena ta’ Alla jitnaddfu minn kull dnub.
Dawn iż-żewġ quddisiet ser jixxandru fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.