Se Jirriżenja Mill-Parlament Wara Biss Seba’ Xhur Deputat

 Se Jirriżenja Mill-Parlament Wara Biss Seba’ Xhur Deputat

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li llum id-deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo se jkun qiegħed jirriżenja minn deputat Parlamentari.

Bartolo se jkun qiegħed jagħti l-ittra ta’ riżenja tiegħu lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia fis-seduta parlamentari tal-lum hekk kif il-Parlament jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu wara l-btajjel tas-sajf.

Fl-aħħar ġimgħat Bartolo ħabbar li kien lest jagħti s-siġġu tiegħu lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech biex ikun jista’ jieħu l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni flok Adrian Delia.

Ivan Bartolo kien wieħed minn 17-il deputat fil-grupp parlamentari Nazzjonalista li sfiduċja lill-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Fis-sajf tas-sena li għaddiet huwa kien wieħed mill-proponenti ta’ mozzjoni li sejħet għal vot ta’ sfiduċja fil-Kap Nazzjonalista.

Bartolo ħa l-ġurament tal-ħatra bħala deputat parlamentari f’Marzu li għadda. Dan wara li ġie elett f’elezzjoni każwali biex imtela’ s-siġġu li tbattal minn Marthese Portelli fuq id-disa’ distrett.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com