Żewġ Siti Oħra Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali Jidħlu Fl-Aħħar Fażi

 Żewġ Siti Oħra Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali Jidħlu Fl-Aħħar Fażi

Fi żjara f’wieħed mis-siti ta’ housing soċjali ġdid fi Triq Salvu Sacco Ħal Kirkop, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li dan is-sit flimkien ma’ sit ieħor fi Triq il-Fieres fl-istess lokalità daħlu fl-aħħar fażi. Dan hekk kif kif bdew jiġu mgħoddija s-servizzi u bdew il-finishes. Żewġ siti li b’investiment ta’ €2 miljuni, se jissarrfu f’saqaf għal 26 familja.

Il-Ministru Galdes tenna li l-akbar proġett ta’ housing soċjali fl-aħħar 40 sena li se jwassal għal 1,700 appartament ta’ housing soċjali ġdid b’investiment li jiżboq il-€110 miljun huwa xhieda ta’ Gvern li jwettaq dak li jwiegħed u li jrid jassigura għada aħjar għall-familji kollha.

Huwa żied jgħid li xhieda ta’ din il-viżjoni li taħseb f’kulħadd huma lproġetti bħal dawn li daħlu fl-aħħar fażi f’Ħal Kirkop u b’inizjattivi oħra bħal dawk li ġew introdotti fl-aħħar snin ta’ home ownership.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li proġett ieħor ta’ din l-iskala jinsab fi stadju avvanzat u għalhekk l-applikanti li għandhom il-bżonn ġenwin għall-akkomodazzjoni soċjali ser jibbenefikaw minn dan il-proġett fill-futur qarib.

“L-Awtorità se tkun qegħda tintensifika l-ispezzjonijiet ta’ rutina sabiex jiġi assigurat li l-proprjetajiet tal-Gvern qegħdin jiġu okkupati skond il-liġi. Fl-ebda ħin u fl-ebda ċirkostanza ma ser nittolleraw abbuż.”

Huwa temm jgħid li “huwa ta’ pjaċir għall-Awtorità tad-Djar li b’mod konkret qed tagħmel differenza notevoli fil-ħajja ta’ dawn il-familji li ġenwinament jitolbu l-għajnuna sabiex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-futur ta’ uliedhom.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com