Athletics Malta Tibda bil-Preparamenti Għal-Logħob Tal-Pajjiżi Ż-Żgħar

 Athletics Malta Tibda bil-Preparamenti Għal-Logħob Tal-Pajjiżi Ż-Żgħar

Minkejja l-isfidi li ġabet magħha s-sena 2020, it-tim ta’ Athletics Malta kompla bil-ħidma kontinwa tiegħu biex iżid il-profil u l-livell tal-isport f’pajjiżna u jħejji għall-oġġettivi internazzjonali importanti tas-snin li ġejjin.

Filwaqt li kull staġun iġib miegħu appuntamenti ta’ interess għall-aqwa atleti ta’ pajjiżna, il-mira ewlenija tal-Assoċjazzjoni issa hi ffukata fuq il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna fl-2023, li għal ħafna atleti jistgħu jkunu l-apiċi tal-karriera tagħhom.

Għal dan il-għan, Athletics Malta ikkonkludiet it-twaqqif ta’ strutura ġdida għat-Tim Nazzjonali bl-għan li twassal prestazzjonijiet aqwa mill-atleti Maltin, bl-għan li dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom sa dan l-avveniment.

Bl-appoġġ tal-aqwa u l-aktar kowċis ta’ esperjenza f’Malta, twaqqfu numru ta’ gruppi skont il-kategoriji differenti biex tingħata gwida professjonali li twassal għall-aqwa preparazzjonijiet għal dawn il-Logħob.

Flimkien mal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, il-kumitat tekniku ta’ Athletics Malta hu ffurmat mid-Direttur Tekniku Andy Grech, il-Head Coach Coordinator Mario Bonello u l-Konsulent tal-Coaching Antonio Laguardia.

Fl-aħħar ġimgħat, Athletics Malta kienet impenjata f’ħidma sfiqa biex mhux biss tistabbilixxi din l-istruttura iżda tieħu ħsieb ukoll elementi relatati fosthom adattament tal-kalendarju tal-avvenimenti lokali, allokazzjoni ta’ baġits, xiri ta’ tagħmir, identifikazzjoni ta’ kampijiet ta’ taħriġ u investiment f’sens ta’ għaqda biex ikun żgurat li l-Logħob tal-2023 jitnaqqxu fl-istorja tal-isport Malti.

B’hekk, is-16 ta’ Novembru se jfisser uffiċjalment l-ewwel pass tat-tim Nazzjonali tal-Atletika fit-triq lejn il-GSSE 2023.

Ritratt: Athletics Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com