Il-Fiduċja Tal-Maltin Fil-Media Lokali Tkompli Tonqos
L-istħarriġ tal-Eurobarometer li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fit-tieni nofs ta’ Lulju li għadda jikkonferma li l-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin fil-media lokali kompliet tonqos.
Dan l-istħarriġ wera wkoll kif, minkejja l-pandemija, f’pajjiżna fl-aħħar xhur xorta hawn livell tajjeb ta’ ottimiżmu u fiduċja.
Fil-fatt, jindika li 58% tal-poplu jafda fil-gvern, kontra 40% fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.
92% tal-Maltin u Għawdxin qalu li kuntenti bil-miżuri li ħa l-gvern biex jikkumbatti l-pandemija. Dan kontra medja ta’ 62% fl-UE. Il-gvern Daniż biss kellu riżultat aħjar minn dak tal-gvern Malti.
41% ta’ dawk intervistati f’Malta jemmnu li kien hawn bilanċ tajjeb bejn il-bżonn tal-qasam tas-saħħa u dak ekonomiku, filwaqt li 41% jaħsbu li hemm bżonn aktar attenzjoni għall-aspett ekonomiku. Kważi kwart jemmnu li sa tmiem l-2021 l-ekonomija Maltija tkun irpiljat, kontra wieħed minn kull ħamsa fl-Unjoni Ewropea. Fl-Olanda biss hemm proporzjon aktar li temmen f’irkupru daqshekk malajr.
B’reazzjoni għal dan l-istħarriġ, iċ-Chairman ta’ ONE Productions Jason Micallef qal li dan l-istħarriġ għand jinkwieta lill-media lokali, l-aktar dik stampata bl-Ingliż u portals bl-Ingliż. Huwa ma eskludix li din kienet ir-raġuni li għaliha dawn il-portals difnu għalkollox ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ.