Introduzzjoni Għall-Aġenzija Tal-Bini U L-Kostruzzjoni

 Introduzzjoni Għall-Aġenzija Tal-Bini U L-Kostruzzjoni

L-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) għandha diversi rwoli u responsabbiltajiet li jgħinu biex tinħoloq ġestjoni aħjar tas-settur tal-bini u l-kostruzzjoni. L-Aġenzija hija responsabbli għat-tfassil, kif ukoll l-implimentazzjoni u t-tixrid tal-policies. Hija wkoll responsabbli għall-konsolidazzjoni u r-reviżjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti. Il-kumpilazzjoni tal-istandards minimi u l-aħjar prattiki għall-industrija ffurmaw il-kodiċi nazzjonali tal-bini. Dawn ir-regolamenti jipprovdu dettalji relatati mal-kostruzzjoni tal-bini u jippreżentaw l-istandards minimi meħtieġa li jissalvagwardjaw il-partijiet terzi kollha li jistgħu jiġu affettwati minn xogħol li jkun għaddej. Barra minn hekk, jirregolaw ukoll metodi ta’ implimentazzjoni relatati mal-kostruzzjoni, fil-bini ta’ infrastruttura fiżika u jiżguraw li l-bini huwa effiċjenti fl-enerġija, kemm dak residenzjali kif ukoll industrijali u kummerċjali.

Il-Kap Eżekuttiv, Ivor Robinich, qal: “Il-BCA tassigura li s-settur tal-bini u tal-kostruzzjoni jirregola ruħu bil-għan li jippromwovi s-serħan tal-moħħ fil-gżejjer Maltin. Il-missjoni tagħna hija li noħolqu stabbiltà u kontabilità f’dan is-settur, sabiex jitrawwem ambjent aħjar għal kulħadd.”

Permess ta’ ppjanar jagħti lill-applikant id-dritt li jibni, jimmodifika, jew iżomm kwalunkwe struttura. Dan jinkludi permessi tal-ippjanar rigward l-użu tal-art u l-bini u l-impatt li dawn l-iżviluppi għandhom fuq l-ambjent. Ir-regolamenti infurzati mill-BCA jidħlu fis-seħħ wara li applikant jingħata permess ta’ ippjanar, iżda qabel il-bidu tax-xogħlijiet fuq il-post. Perit għandu jippreżenta lill-BCA lista tal-individwi responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-proġett, kif ukoll, diversi dokumenti oħra li jridu jiġu ppreżentati. Huwa mportanti li l-individwi iqabbdu Perit awtorizzat biex il-proposta tikkonforma mar-regolamenti tal-bini. L-Aġenzija imbagħad tikkomunika l-approvazzjoni lill-Perit u lill-iżviluppatur responsabbli għall-proġett; liema dokument huwa disponibbli għall-pubbliku fil-portal tal-EApps.

Ir-regolamenti tal-bini u l-kostruzzjoni japplikaw għal: xogħlijiet ta’ skavar, twaqqigħ jew tneħħija ta’ strutturi eżistenti, bini ta’ sular addizzjonali jew strutturi li jġorru tgħabija u kostruzzjoni ta’ bini ġdid.

Barra minn hekk, il-BCA tikkollabora ma’ aġenziji, korporazzjonijiet, awtoritajiet, entitajiet governattivi u mhux governattivi u individwi oħra sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effiċjenti. Dan qed isir biex eventwalment titwaqqaf l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Ir-regolamenti attwali tal-bini infurzati mill-BCA jinsabu fuq il-websajt: https://bca.org.mt/regulation.html

Filwaqt li dokumenti li jiggwidaw il-partijiet interessati kollha jinsabu fuq: https://bca.org.mt/guidance-documents.html

Wieħed jista’ jikkuntattja lill-Aġenzija permezz ta’ email fuq: [email protected].

Fix-xitwa l-uffiċini tal-BCA huma miftuħin mis-7:30 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranofsinhar. Għal każijiet t’ emerġenza wieħed jista’ jċempel fuq +356 9963 7508 f’Malta, kif wkoll fuq +356 9909 8855 f’Għawdex.  Għal aktar informazzjoni żur il-websajt: www.bca.org.mt.

(Dan huwa artiklu b’kollaborazzjoni)

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com