L-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu B’donazzjoni Ta’ €5,000 Lill-Multiple Sclerosis Society
L-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu ppreżentat is-somma ta’ €5,000 ewro lil Multiple Sclerosis Society of Malta, miġbura wara attivitajiet li saru fis-sena skolastika li għaddiet.
Shania Formosa u Giulio Spiteri, f’isem il-Kunsill tal-Istudenti 2019/2020, ippreżentaw is-somma sabiħa ta’ 5,000 ewro, lil Carmen Muscat, il-President ta’ Multiple Sclerosis Society.
Dawn il-flus inġabru fis-sena skolastika li għaddiet wara Casual day, il-Pantomima u attivitajiet ta’ fundraising.
Il-ħsieb kien li jsiru aktar attivitajiet biex is-somma tkun ikbar, pero sfortunatament dawn ma setgħux isiru minħabba li s-sena skolastika ntemmet ħesrem minħabba l-pandemija.
Waqt il-preżentazzjoni tkellem is-Surmast tal-iskola s-Sur Adrian Galea, li faħħar l-impenn tal-istudenti u l-istaff tal-iskola biex jinġabru dawn il-fondi għal dan l-għan nobbli. Carmen Muscat irringrazzjat lill-iskola u spjegat ix-xogħol li tagħmel din l-NGO. Attenda għal din il-preżentazzjoni s-Sur Keith Scicluna, għalliem u wieħed mill-imħuħ wara l-pantomima, li kien qed jirrapreżenta wkoll lill-grupp organizzattiv wara dawn iż-żewġ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.