Zammit Lewis Jippubblika Ritratti Li Jgiddbu “Storja” ta’ Lovin Malta

Il-Minsitru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ippubblika fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook għadd ta’ ritratti li juru li f’April tal-2017 huwa kien għal btala fi Sqallija u mhux kif irrapporta s-sit Lovin Malta dalgħodu, jiġifieri li f’dak l-istess żmien kien għall-btala mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat fil-lukanda tal-Grupp Tumas f’Évian-Les-Bains fi Franza.

Qal li prova ta’ dan huma r-ritratti li sab tal-btala. Huwa skuża ruħu ma’ martu għaliex qal li l-memorji personali u għal qalbu kellhom jintużaw biex jiddeffendi ruħu politikament.
Aktar qabel huwa qal li l-istorja kienet żbaljata fl-iktar dettalji baziċi għax huwa siefer Franza fl-2014 u mhux fl-2017 kif ħarġet tirrapporta Lovin Malta. Żied li l-familji telgħu normali u niżlu normali bi ħlas fuq vjaġġi kummerċjali, liema titjiriet kienu skedati. Qal li ma talab għall-ebda favuri, freebies jew akkomodazzjoni b’xejn.
Zammit Lewis żied jgħid li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien waqt din il-btala ħassu obbligat li jattendi għal impenji urġenti Ewropej u bħala Ministru tal-Gvern ta’ dak iż-żmien huwa talbu sabiex jakkumpanjah.