Aktar Minn 2.3 Miljun Vaċċin Tal-COVID-19 Għal Malta Minn Jannar
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar fil-Parlament li Malta se jkollha maż-żewġ miljun u tlett mitt elf vaċċin kontra l-virus tal-Covid-19 minn Jannar li ġej.
Il-Ministru għas-saħħa qal li t-tilqima tal-Pfizer/BioNTech se tasal f’Malta fl-ewwel jiem ta’ Jannar. Qal li din mistennija tiġi awtorizzazzjoni mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini lejn l-aħħar ta’ Diċembru.
Mr Fearne qal li l-vaċċin se jingħata b’xejn lil kulħadd bl-ewwel dożi se jingħataw lill-front liners u jsegwu l-anzjani ta’ aktar minn 85 sena.
Huwa żied jgħid li t-tilqima mhux se tkun obbligatorja, iżda ħeġġeġ lil kulħadd biex jeħodha.
Il-Ministru Fearne qal li l-Ewropa għandha ftehim ma’ sitt kumpaniji li qed jipproduċu l-vaċċin, bil-Pfizer/BioNTech, Moderna u Astra Zeneca huma l-iktar avvanzati.
Qal li Malta se jkollha nofs miljun tilqima tal-Pfizer, 100,000 mingħand Modern u miljun mingħand Astra Zeneca. Ma’ dawn qal li Malta ordnat 700,000 doża mingħand kumpaniji oħra li għadhom ftit iktar lura.
Il-Ministru Fearne żied jgħid li l-vaċċin ta’ Pfizer irid tinżamm f’temperatura ta’ taħt is-70 ċentigrad. Qal li għal raġunijiet ta’ sigurtà l-arranġamenti ta’ trasport huma kunfidenzjali, iżda dan se jinġieb Malta f’cold storage apposta u hemm proċeduri stabbiliti ta’ kif se jinżamm, fejn fost oħrajn kull kontenitur se jkollu tracker.