Imut Anġlu Vella – Wieħed Mill-Aħħar Residenti Fuq Kemmuna

 Imut Anġlu Vella – Wieħed Mill-Aħħar Residenti Fuq Kemmuna

Fl-aħħar sigħat tħabbret il-mewt ta’ Anġlu Vella, wieħed mill-aħħar tliet residenti fuq il-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna. Huwa kien magħruf bħala Anġlu ta’ Kemmuna.

Vella miet fl-għomor ta’ 74 sena u kien fost it-tmintax-il persuna morda bil-kliewi li fl-aħħar snin kienu jattendu regolarmanet għad-dijaliżi fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fil-fatt huwa kien jivvjaġġa darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa biex jingħata l-kura.

F’intervista li kien ta sentejn ilu, huwa qal li l-ikbar problema tkun għalih meta tagħmel xi grigalata qawwija għax ma kienx ikun jista’ jirkeb il-lanċa fuq il-moll.

Minkejja l-iskariġġ minħabba t-traġitt bejn Għawdex u Kemmuna, Anġlu ma aċċettax li jmur jgħix Għawdex.

Dan għax fi kliemu l-gżira fejn twieled, trabba u għex, ma jibdilha ma’ xejn. Huwa kien stqarr li kien ilu fuq 70 sena jgħix fuq Kemmuna u aħjar minnha ma jsibx żgur.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com