L-AĠ Tal-Qorti Ewropea Jagħti Raġun lill-Gvern Malti Dwar L-Indipendenza Tal-Ġudikatura u S-Saltna Tad-Dritt

 L-AĠ Tal-Qorti Ewropea Jagħti Raġun lill-Gvern Malti Dwar L-Indipendenza Tal-Ġudikatura u S-Saltna Tad-Dritt

Il-Gvern Malti qal li -opinjoni tal-Avukat Ġenerali mogħtija llum quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja tagħtih raġun fir-rigward tal-garanziji tal-indipendenza tal-ġudikatura u tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li llum fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Avukat Ġenerali Gerard Hogan ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu dwar tliet domandi referiti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta. Qal li dawn id-domandi saru fil-kawża li fetħet l-għaqda Repubblika dwar il-validità tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura f’Malta skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Qal li meta eżamina s-sistema tal-ħatriet tal-ġudikatura f’Malta u partikolarment dik applikabbli mill-2016 sal-2020, l-Avukat Ġenerali Hogan sab li m’hemm xejn fis-sistema ta’ ħatriet tal-ġudikatura f’Malta li minnu nnifsu jmur kontra l-liġi Ewropea. Għall-kuntrarju, irrimarka li mill-evalwazzjoni tiegħu jirriżulta li l-ġudikatura f’Malta tgawdi minn protezzjoni legali qawwija għall-indipendenza tagħha u dan b’mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija mill-kariga, dixxiplina, indipendenza istituzzjonali u indipendenza finanzjarja, fost l-oħrajn.

Irrimarka wkoll li l-fatt li persuna qabel ma tkun inħatret fil-ġudikatura kellha xi assoċjazzjoni ma’ xi partit politiku ma jġibx bħala konsegwenza li dik il-persuna mhijiex ġudikant indipendenti u imparzjali. Persuni bħal dawn jokkupaw karigi fl-aktar qrati awtorevoli tad-dinja, bħalma huma l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti u l-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġermanja.

Dwar jekk l-effetti ta’ deċiżjoni dwar difett fil-ħatra tal-ġudikatura jistgħux ikunu retroattivi, l-Avukat Ġenerali kkonkluda li dawn id-deċiżjonijiet iridu jħarsu ’l quddiem u mhux lura u li għalhekk ma jistgħux ikunu retroattivi b’mod li jiġi annullat dak kollu li sar mill-ġudikatura jew minn xi membri tagħha fil-passat. Dan ukoll ixejjen ħafna tixrid ta’ biża’ li sar f’Malta dwar dan il-punt.

Il-gvern laqa’ wkoll l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Hogan u rrimarka li din tagħtih raġun f’dak li l-gvern ilu jsostni rigward il-garanziji tal-indipendenza tal-ġudikatura u tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com