L-UE Mistennija Tapprova L-Vaċċin Fid-29 Ta’ Diċembru
L-Aġenzija tal-Mediċini tal-Unjoni Ewropea mistennija tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-vaċċin kontra l-Covid-19 fid-29 ta’ Diċembru li ġej.
Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem l-aħħar Summit Ewropew tal-Mexxejja Ewropej għal din is-sena li sar fi Brussell.
Dr Abela semma kif il-pajjiżi kollha kienu qed jitkellmu dwar kif issa bis-saħħa tal-vaċċin hemm fl-aħħar it-tama. Dr Abela semma li kienet diskussa wkoll id-data ta’ meta se jkun hemm l-awtorizzazzjoni tal-vaċċin fuq livell Ewropew, dik tad-29 ta’ Diċembru li ġej u tenna li minn dik id-data ’l hemm se jkun hemm id-distrubuzzjoni tal-vaċċin.
Dr Abela qal li f’Malta għandna assigurati numru ta’ dożi sabiex il-poplu kollu jkun imlaqqam filwaqt li ntqal ukoll li t-teħid tal-vaċċin se jibqa’ jkun b’mod voluntarju, iżda l-appell huwa sabiex dan jittieħed.
“Il-vaċċin se jkun gamechanger fejn meta l-istati membri se jkunu bdew ilaqqmu lin-nies tagħhom, hemmhekk se nkunu nistgħu nibdew verament bl-irkupru ekonomiku u soċjali”, temm jgħid il-Prim Ministru.
Dwar it-tema tat-tibdil fil-klima, Abela qal li Malta taqbel mal-kumplament tal-UE dwar tnaqqis fl-emmissjonijiet ta’ 55% sal-2030 filwaqt li qed tesiġi li m’għandhomx ikunu mwarrba r-realtajiet ta’ pajjiżi bħal Malta.
Fi tmiem il-Kunsill tal-Mexxeja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħala pajjiż qbilna mal-pajjiżi l-oħrajn li sal-2030 ikollna tnaqqis fl-emmissjonijiet ta’ 55%, imma għamilna l-punt b’saħħtu li aħna bħala l-iżgħar gżira stat membru tal-Unjoni Ewropea għandna r-realtajiet tagħna u jkun inutli li jitpoġġew piżijiet fuqna li ma nkunux nifilħu għalihom.