Tentattiv Biex Jitwaqqfu Inizjattivi Tal-Każini, Mill-Ħwienet tat-Take Away

 Tentattiv Biex Jitwaqqfu Inizjattivi Tal-Każini, Mill-Ħwienet tat-Take Away
F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna diversi għaqdiet soċjali u mużikali jippruvaw jaġġustaw għar-realtà preżenti u jsibu mezz ta’ introjtu wara li l-mużuri b’rabta mal-pandemija Covid-19 qedgha tħalli impatt kbir fuq dawn l-għaqdiet volontarji.
Fl-aħħar xhur qajla ġew organizzati attivitajiet soċjali, li normalment kienu jkunu sors ewlieni ta’ dħul għal ħafna għaqdiet mifruxa madwar Malta u Għawdex. L-avviż legali 407 maħruġ fis-26 ta’ Ottubru kompla jgħamel is-sitwazzjoni finanzjarja aktar diffiċli hekk kif kien mitlub li l-bars u l-każini kollha ma għandhomx jiftħu għan-negozju u għandhom jibqgħu magħluqa. Dan hu kollha ħalla impatt liema bħalu fuq dawn l-għaqdiet.
Fost numru ta’ inizjattivi li wħud mill-għaqdiet bdew jieħdu, kienet organizzazjoni ta’ lejla fejn is-soċi u l-partitarji ta’ dawn l-għaqdiet ikunu mħeġġa jordnaw ikel bħal pizzez, burgers, għaġin u laħmijiet, liema ikel imbagħad jitwassal fuq l-għatba tal-bieb. Inizjattiva li jidher li kienet ta’ suċċess f’numru ta’ lokalitajiet u li kienet ta’ solljev għalihom fi żmien bla introjtu biex ikomplu jkattru l-kutura tagħhom ma’ ħafna żgħażagħ.
Dan is-sit huwa infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali irċieva numru ta’ ilmenti, b’tentattiv li dawn l-avveniment jitwaqfu, anke jekk l-għaqdiet jidher li qedgħin jimxu mad-direttivi stabbiliti mil-Awtoritajiet tas-Saħħa.
S’issa kien hemm aktar minn 8 għaqdiet li ġew mgħarfa b’dawn l-ilmenti.
Minkejja li mhux magħrufa l-persuni li ressqu dawn l-ilmenti, bosta individwi li tkellmu magħna sostnew li ħwienet tat-takeaways fil-lokalitajiet fejn qedgħin issiru dawn l-avvenimenti qedgħin jilmentaw li qiegħed jonqsilhom il-bejgħ f’iljieli bħal dawn.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com