Toħroġ Sejħa Għal Proposti Għad-Disinn Ta’ Mafkar F’Ġieħ Oliver Friggieri
Heritage Malta, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ħarġet sejħa għal proposti għad-disinn ta’ mafkar f’ġieħ il-ġgant tal-letteratura Maltija l-Professur Oliver Friggieri.
Permezz ta’ din is-sejħa, artisti interessati qed jiġu mistiedna jissottomettu disinn ta’ mafkar figurattiv tal-bronż li jonora l-memorja tal-Professur Friggieri. Il-mafkar irid jitlesta fil-ħin biex jiġi inawgurat f’Novembru 2021, meta tkun għaddiet sena mill-mewt tal-Professur Friggieri.
L-istil tal-iskultura figurattiva se jitħalla fil-prerogattiva tal-artist. Il-parteċipanti jistgħu wkoll jipproponu l-post fejn skonthom il-mafkar għandu jitqiegħed. In-nefqa indikata għad-disinn u l-bini tal-mafkar hija ta’ madwar €100,000, kollox inkluż.
Heritage Malta se tirċievi d-disinji fil-15 ta’ Jannar 2021. Il-ġurija appuntata mbagħad tagħżel dawk li fil-fehma tagħha jkunu l-aħjar disinji. L-artisti li d-disinn tagħhom jintgħażel f’din il-fażi preliminari se jintalbu jippreżentaw abbozz tal-mafkar. Minn dawn l-abbozzi finalment jintgħażel ir-rebbieħ, li jingħata l-kummissjoni tal-monument.
L-artisti l-oħra li d-disinn tagħhom jintgħażel fil-fażi preliminari se jingħataw premju li jikkonsisti f’somma flus.
Il-proċess ser ikun ikkordinat mis-Sur Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta u s-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Id-dokument tal-proposti kif ukoll it-tagħrif kollu relevanti jista’ jitniżżel minn: http://www.heritagemalta.org/monuments