“Xahar Ieħor Se Nibdew Inlaqqmu N-Nies… Ejjew Ħa Nħarsu Lejn L-2021” – Il-PM
Il-Prim Ministru Robert Abela beda billi sellem lill-kittieba Lina Brockdorff li ngħatat il-midalja tad-deheb fl-unuri tal-Akkademja tal-Malti.
Kompla l-attivita politika f’Marsaxlokk fejn tenna li t-tbassir madwar id-dinja kollha qed jittrasforma ruħu f’realtà. Semma l-Italja li din il-ġimgħa kellhom rekord ta’ elf mewt f’jum wieħed.
“F’pajjiżna, Malta bdejna l-miżura tal-maskra li ħalliet ħafna frott u ppermettielna li ngħixu l-ħajja b’normalità tal-ħajja ta’ kuljum”, tenna l-Prim Ministru.
Semma kif f’pajjiżna żammejna l-affarijiet b’mod stabbli u taħt kontroll. “Ma ġrietx b’kumbinazzjoni din iżda għax ħdimna bil-għaqal”, tenna l-Prim Ministru.
Semma kif ħaddieħor iddeċieda li ma jiddeċiedix. Għamel referenza wkoll kif l-Opożizzjoni tinsab inċerta tridx jew le l-vaċċin.
“L-istrateġija tagħna ta’ kif se nlaqqmu n-nies ilha lesta, għada se nkunu qegħdin inħabbruha u se jkun qed jispjegaha Chris fil-parlament”, tenna l-Prim Ministru filwaqt li rringrazzjah tal-ħidma li qed iwettaq sa mill-bidu tal-pandemija.
“Xahar ieħor se nibdew inlaqqmu n-nies… Ejjew ħa nibdew inħarsu lejn is-sena 2021 li rridha tkun sena mill-aqwa!”, qal il-Prim Ministru.
Fakkar li però, irridu nibqgħu kawti u nosservaw ir-regoli biex ma nitilfux dak kollu li ksibna flimkien. Appella għad-dixxiplina u li naħsbu f’xulxin.
“Ma jfissirx li għax fil-bidu ta’ Jannar se jkollna l-vaċċin, daqshekk restrizzjonijiet. Fil-bidu ta’ Jannar nibdew it-triq lura għan-normalità u rridu nibqgħu kawti sabiex f’Marzu l-ekonomija tagħna tkun irpiljat u f’Mejju ‘business as usual’ ħa nħarsu lejn sena mill-aqwa.”