Abela: Irridu Nippromwovu L-Kreattività Fil-Ħajja Ta’ Kuljum Tat-Tfal Tagħna

 Abela: Irridu Nippromwovu L-Kreattività Fil-Ħajja Ta’ Kuljum Tat-Tfal Tagħna

Wara s-suċċess tal-Festival ŻiguŻajg f’Novembru li għadda hekk kif iċċelebra l-għaxar anniversarju b’mod differenti mis-snin preċedenti minħabba l-imxija tal-Covid-19, il-Fondazzjoni Kreattività nediet it-tieni edizzjoni tal-istaġun ta’ ŻiguŻajg 2020-21 taħt il-patronċinju ta’ Dr Lydia Abela.

L-istaġun ta’ ŻiguŻajg ra l-bidu tiegħu s-sena li għaddiet bl-għan li jkompli jipprovdi lit-tfal u l-familji tagħhom l-opportunità li jipparteċipaw f’avvenimenti artistiċi mħejjija professjonalment matul s-sena.

L-Istaġun ta’ ŻiguŻajg 2020-21 huwa programm miżgħud b’avvenimenti diversi għat-tfal bejn iż-0 u l-10 snin. Din l-edizzjoni, żviluppata b’kollaborazzjoni mat-tim tal-Festival ŻiguŻajg, għandha 13-il proġett b’iktar minn 35 artist u sitt forom kreattivi differenti li jvarjaw mil-letteratura għat-teatru, mill-film għall-mużika, kif ukoll il-pupazzi.

Fit-tnedija ta’ dan il-programm, Dr Abela qalet li l-arti għandha jkollha rwol kruċjali fl-iżvilupp personali tat-tfal u fl-edukazzjoni tagħhom, u li għandhom ikollhom aċċess għal arti ta’ kwalità f’kuntesti differenti u opportunitajiet li jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jipproduċu l-arti tagħhom.

Dr Abela qalet li permezz ta’ dan il-programm, it-tfal sa minn età bikrija, qed jaraw id-dinja ta’ madwarhom b’lenti ġdida u jiksbu għarfien ġdid u ħiliet ġodda. “Hija x-xewqa tiegħi li bi programmi bħal ŻiguŻajg inkomplu noħolqu bażi b’saħħitha biex nippromwovu l-kreattività fil-ħajja ta’ kuljum tat-tfal tagħna,” temmet tgħid Dr Lydia Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com