Edwin Vassallo Jsejjaħ Il-Liġi Dwar Żwieġ Indaqs “Diżumana”

 Edwin Vassallo Jsejjaħ Il-Liġi Dwar Żwieġ Indaqs “Diżumana”

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo sejjaħ il-liġi dwar żwieġ indaqs bħala waħda diżumana.

Vassallo qal dan waqt intervista li kellu fuq programm televiżiv li matulha tenna li dawn il-liġijiet li ddaħħlu minn Gvern Laburista fl-aħħar snin qegħdin jagħmlu ħsara lis-soċjetà Maltija.

B’reazzjoni għal dawn il-kummenti, l-MGRM innotata li dan id-diskors ingaħta juma biss wara l-ħatra ta’ Kelliema ġodda għall-Oppożizzjoni, u qabel ma biss kellhom l-opportunità jitkellmu mal-Kelliema l-ġdida għad-drittijiet umani.

“Diġà qed naraw attakk ġdid minn Membru Parlamentari, li fil-fatt hu ukoll kelliem għall-istess Oppożizzjoni”, qalet l-MGRM.

Żiedet tgħid li din id-darba, Edwin Vassallo mar lil hinn mit-twemmin reliġjuż, kif fil-fatt qal hu stess, u sejjaħ il-liġijiet favur żwieġ ugwali bħala “diżumani”.

L-MGRM ikkundannat bl-akbar mod possibbli dan l-attentat li qalet qed jipprova ineżża’ l-imħabba ta’ bejn persuni tal-istess sess mill-umanità.

“Jekk il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx ma dan it-tip ta’ diskors, li din id-darba huwa ċar daqs il-kristall, għandha tittieħed azzjoni.

In-nuqqas ta’ umanita’, Edwin, qiegħda f’min ma jafx iħobb u bena karriera politika fuq il-mibegħda, u mhux fiż-żwiġijiet u familji mibnija fuq imħabba u rispett”, temmet tgħid l-MGRM.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com