Rabja Fil-Polonja Wara Li l-Vaċċin Ingħata Lil Artisti U Politiċi
Rabja kbira għal sptar fil-Polonja wara li l-awtoritajiet tas-saħħa taw il-vaċċin tal-Covid-19 lil għadd ta’ ċelebritajiet u politiċi.
Il-Polonja li bħal bqija tal-pajjiżi Ewropew bdiet tlaqqam lin-nies fis-27 ta’ Diċembru li għadda, kellha skont il-pjan tal-gvern, tlaqqam biss lill-ħaddeima fis-settur tas-saħħa.
Iżda l-Università Medika ta’ Varsavja qalet li laqqmet 18-il personalità kulturali li huma intiżi li jservu ta’ ambaxxaturi għall-kampanja dwar it-tilqima tal-Covid-19.
L-isptar qal li total ta’ 450 tilqima, fosthom 300 għall-istaff mediku tiegħu u 132 għall-qraba tagħhom u pazjenti. Il-lista tal-pazjenti kienet tinkludi xi politiċi.
Fost iċ-ċelebritajiet kien hemm l-attriċi Maria Seweryn li għandha 45 sena, il-kantant Michal Bajor li għandu 63 sena u Edward Miszczak, ġurnalist televiżi ta’ 65 sena.
Dan it-tilqim ħareġ fid-deher meta l-ex Prim Ministru tal-Polonja u Membru Parlamentari Ewropew Leszek Miller tella’ ritratt tal-istorja medika tiegħu li kienet turi li ngħata l-vaċċin fit-30 ta’ Diċembru li għadda.
Xi politiċi lokali f’partijiet oħrajn tal-Polonja, fosthom membri fil-partit fil-Gvern, ġew ikkritikati bil-kbir wara li ngħataw il-vaċċin.
Il-Prim Ministru Mateusz Morawiecki qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet PAP li wieħed josserva r-regoli tas-sekwenza li biha għandha tingħata t-tilqima, hija espressjoni ta’ rispett lejn ir-regoli tas-solidarjetà soċjali.
Huwa żied jgħid li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex jinkisru r-regoli waqt li sejjaħ dan il-każ bħala skandlu.
Il-kelliem tal-Gvern Piotri Muller qal li l-Gvern nieda investigazzjoni u ttama li jittieħdu passi kontra dawk responsabbli.