Tibda Tingħata T-2 Doża Tat-Tilqima Kontra L-COVID-19 Fid-Djar Tal-Anzjani
Mil-lum bdiet tingħata t-tieni doża kontra l-COVID-19 lill-anzjani li kienu ħadu l-ewwel doża tat-tilqima fid-djar kollha tal-anzjani, inklużi dawk privati, kif ukoll il-frontliners.
Fid-dar tal-anzjani fil-Mellieħa llum ngħatat it-tieni doża tat-tilqima, fost l-oħrajn lill-ewwel żewġ anzjani mid-djar tal-anzjani li ngħataw din it-tilqima.
“Hekk kif bħalissa għaddejin bit-tilqim lill-anzjani u ħaddiema fid-djar kollha tal-anzjani, inkluż dawk privati, illum bdejna nagħtu t-tieni doża tat-tilqima lil dawk li tliet ġimgħat ilu ngħataw l-ewwel doża. Bir-ritmu li qbadna l-anzjani fid-djar kollha tal-anzjani, inkluż dawk privati, se jkunu ngħataw it-tieni doża sal-aħħar ta’ Frar,” qal il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.
Preżenti fid-dar tal-anzjani ‘Dar il-Madonna’ il-Ministru Michael Farrugia ngħata l-ewwel doża tat-tilqima kontra l-COVID-19.