Atletika – Malta Se Tospita Laqgħa tal-World Athletics Continental Tour

 Atletika – Malta Se Tospita Laqgħa tal-World Athletics Continental Tour

World Athletics kkonfermat li kienet qed taċċetta t-talba ta’ Athletics Malta li torganizza meeting internazzjonali tal-World Athletics Tour f’Lulju ta’ din is-sena f’pajjiżna. L-avveniment, li se jġib l-isem ta’ The Maltese Islands Grand Prix 2021, jipprovdi rotta għall-kampjonati internazzjonali għall-aqwa atleti f’dan l-isport, destinazzjoni għad-dilettanti tal-atletika biex isegwu atletika tal-għola livell u ċeleberazzjoni tan-natura unika ta’ dan l-isport b’parteċipazzjni minn madwar id-dinja kollha.

Il-Continental Tour, li huwa meqjus it-tieni l-għola livell fl-atletika internazzjonali wara d-Diamond League, jipprovdi livell għoli ta’ kompetizzjoni flimkien ma’ premji ta’ natura finanzjarja provduti mill-federazzjoni internazzjonali. Il-parteċipazzjoni hi mistennija li tkun b’saħħitha hekk kif l-atleti jingħataw punti għall-klassifikazzjoni fil-World Ranking u l-opportunità li jikkwalifikaw f’avvenimenti kbar bħall-Kampjonati Dinjija u l-Olimpjadi.

Il-Grand Prix, li se jkun organizzat fl-Istadium Matthew Micallef St John fit-3 ta’ Lulju, se jpoġġi lill-Malta fuq il-mappa sportiva internazzjonali u jattira benefiċċji finanzjarji anke għal investiment fil-faċilitajiet tagħna, speċjalment fit-teknoloġija marbuta mal-isport. Se tkun ukoll esperjenza bla preċedent għall-amministraturi, uffiċjali u atleti Maltin.

L-organizzazzjoni ta’ dan l-isport tinkwadra perfettament fl-ambizzjoni ta’ Athletics Malta li ssaħħaħ it-turiżmu sportiv f’pajjiżna. It-tour mistenni li jattira lejn pajjiżna mal-400 persuna fosthom atleti, kowċis, amministraturi, uffiċjali u membri tal-istampa internazzjonali. Malta se tingħata wkoll viżibilità mill-aqwa grazzi għar-rappurtaġġ u x-xandira diretta permezz tal-Internet ta’ dan l-avveniment.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima filwaqt li rringrazzja lil Athletics Malta qal li l-gvern hu impenjat li jkompli jospita avvenimenti internazzjonali f’Malta.

Anke l-President ta’ Athletics Malta Andy Grech laqa’ b’ferħ il-fatt li l-assoċjazzjoni attirat avveniment bħal dan.

 

Ritratt: Athletics Malta

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com