Bjorn Vassallo fuq Popolin – “It-Tim Malti fil-Lega Pro Għalissa f’Ġenb.. Prijorita lill-Investiment Dirett Fit-Teknika tal-Futbol”

 Bjorn Vassallo fuq Popolin – “It-Tim Malti fil-Lega Pro Għalissa f’Ġenb.. Prijorita lill-Investiment Dirett Fit-Teknika tal-Futbol”

Il-legat li l-President tal-MaltaFA Bjorn Vassallo jrid iħalli kemm idum fit-tmexxija tal-Futbol Malti irid ikun investiment dirett fit-teknika tal-futbol u l-infrastruttura, kif ukoll tkabbir u sostenn fl-operat tal-klabbs u protezzjoni b’qafas legali.

Dan kien il-ġist waqt il-programm Popolin it-Tnejn filgħaxija li fih il-President Vassallo kkonferma li għalissa anke minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija l-proġett ta’ Tim Malti fil-Kampjonat Taljan ma’ baqax prijorita u l-fondi li l-gvern kien ser jinjetta fil-bwiet tal-Assoċjazzjoni għal dak il-proġett ambizzjuz issa se jmorru fuq l-infrastruttura.

It-Tnejn filgħaxija fuq Television Malta fil-programm ipprezentat minn Quinton Scerri, l-President tal-MaltaFA qal, “Ħa nibdlu l-mudell, qabel il-mudell tat-Tim fil-Lega Pro kien se jiġi sostnut mill-Gvern Malti, issa dik l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern se tmur fuq l-infrastruttura sportiva, biex l-MFA tkompli tidħol f’dak li huwa l-izvillup tekniku, biex dak kollu spjegat u li jezisti fl-istrategija jkun jista jiġi mwettaq, xi ħadd irid jgħin u jagħmel tajjeb f’dik li hija s-sostennibilta tal-infrastruttura.

“Bdilna l-prinċipju, l-gvern se jkun qed jgħin f’dik li hija nfrastruttura, biex insostnu u ntejbu jekk hemm bzonn l-infrastruttura tal-klabbs, proġetti kapitali bħal m’huwa n-National Footbal Centre f’Ta’ Qali (ritratti taħt), t-turizmu sportiv permezz ta’ dak l-istess impjant, inkomplu nsaħħu x-Xjenza Sportiva, waqt li b’dak li aħna bħala Assoċjazzjoni niġġeneraw inkunu nistgħu ninvestu fil-Core Business tagħna.

“Dan il-mudell tal-Lega Pro jekk wara l-pandemija jibqa prijorita għalina irridu nagħmluh mat-terzi, irridu nagħmluh mal-privat, fid-dawl ta’ dan diġa għaddejjin diskussjonijiet ma’ kumpaniji barranin li jixtiequ jidħlu sieħba magħna b’mod ta’ nvestiment privat biex flok jgħin il-gvern ikun il-privat li jagħmel tajjeb fl-eventwalita li t-Tim Malti fil-Lega Pro jerġa jitla minn ta’ quddiem fil-prijoritajiet tal-Assoċjazzjoni, kompla jgħid Bjorn Vassallo.

Fil-programm fuq Television Malta, Vassallo tkellem ħafna dwar l-istrateġija għall-erba’ snin li ġejjin li l-MFA se tkun qed taddotta biex il-futbol Malti jagħmel il-qabza ta’ kwalita tant mixtieqa u hawnhekk tidħol il-governanza, waħda mit-tmien pilastri li fuqhom se tkun qed titmexxa din l-istrateġija.

“Bdejna b’konsultazzjoni mal-imsieħba, għaddejjin b’riforma fir-revizjoni tal-istatut, se nbidlu totalment l-istruttura tal-Assoċjazzjoni, r-rapprezentanza u poteri tal-vot, hemmhekk se nagħmlu bidla radikali illi se nipprezentawha fil-laqgħa ġenerali f’Lulju li ġej, biex mill-istaġun li jmiss l-MFA ikollha statut totalment revizjonat għaz-zminijiet tal-lum, separazzjoni tal-poteri li għandha twassal biex fil-futbol ikollna governanza ħafna aħjar milli għandha llum.

Il-President tal-MaltaFA stqarr li l-istatut prezenti lum sar antikwat, hemm bzonn ta’ statut ġdid, hemm proċess ieħor rigoruz fejn jidħlu l-liċenzjar tal-klabbs fil-livell domestiku, l-element ta’ klabbs professjonali u dawk delettanti, biex sas-sena 2023 nistabbilixxu dak li huwa r-ristrutturar korporattiv tal-klabbs jiġifieri li dawn jibdew joperaw fuq livell professjonali, fejn hemmhekk tibda ssir id-due dilligence kif suppost u hemmhekk fejn allura l-ownership tal-klabb tinbidel minn kif qiegħda llum, biex klabb professjonali bilfors irid jiġi kumpanija b’responsabiltajiet tal-ownership tagħhom.

Kompla l-President tal-MFA, “Dan kollu jfisser qalba li probabbli qatt ma’ saret kemm ilha tezisti l-Assoċjazzjoni jiġifieri f’dawn l-aħħar 120 sena u għalhekk għandha sentejn, tlieta, biex dawn ir-riformi jiġu attwati, nibdew bir-revizjoni tal-istatut, inkomplu bil-liċenzjar u nagħlqu bil-club corporate restructuring, biex b’hekk inkunu qed inħarsu lejn pajjizi tamparna bħal Ċipru li għamlu l-qabza ta’ kwalita u kibru fil-futbol b’din it-tip ta’ governanza, għaliex firdu l-element professjonali fejn taw saħħa f’dak il-livell, fuq in-naħa l-oħra l-futbol tad-delettanti, dak tal-komunita bil-budgets baxxi tagħhom u li jirrikjedi anqas rekwiziti.

“Dan kollu għandu jwassal biex min irid jinvesti bis-saħħa fil-klabbs tagħna għandu l-qafas legali korporattiv biex jagħmel dan u bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet”, temm jgħid Bjorn Vassallo waqt Popolin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com