F’Jum San Valentinu, Għin lil Hospice!

 F’Jum San Valentinu, Għin lil Hospice!

“Bl-imħabba naslu” – l-isem tal-maratona ġbir ta’ fondi f’Jum San Valentinu b’risq il-fondazzjoni Hospice.

Iċ-Chairperson tal-Hospice Bernadette Bonnici Kind, spjegat kif din is-sena ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi kellhom jitħassru minħabba l-pandemija. Iżda l-mard ma naqasx u għalhekk Hospice Malta għandhom bżonn l-għajnuna tal-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikomplu jagħtu s-sapport mhux biss lil dawk morda b’mard terminali iżda wkoll lill-qraba tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv  Kenneth Delia spjega kif Hospice ilha tagħti l-għajnuna għal dawn l-aħħar 32 sena b’1,300 familja tingħata l-għajnuna kull sena. Huwa stqarr li minkejja l-pandemija, saru it-tibdiliet meħtieġa sabiex is-servizzi ma jitwaqqfux kompletament iżda jkomplu permezz ta’ pjattaformi diġitali.

Fit-tnedija tal-maratona, mart il-President George Vella, Miriam Vella, stqarret li dan huwa avveniment tassew opportun minħabba li għadu kif ġie mfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-kanċer.

Hija raddet ħajr lill-ħaddiema kemm tal-Hospice kif ukoll tal-Community Chest Fund talli jaħdmu bla waqfien sabiex itaffu it-toqol tal-persuni morda kif ukoll l-qraba tagħhom.

Sabiex wieħed jgħin lill-Hospice, jista’ jagħti donazzjoni kemm online kif ukoll iċempel fuq in-numri li se jkunu qed jintwerew waqt il-maratona tal-Ħadd li ġej li ser tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha minn Nofsinhar sa nofsillejl.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com