Ikomplu L-Botti U Risposti Bejn Gżira United u s-Sindku tal-Lokal Conrad Borg Manche

 Ikomplu L-Botti U Risposti Bejn Gżira United u s-Sindku tal-Lokal Conrad Borg Manche

Fl-aħħar jiem battibekk jaħraq bejn il-klabb ta’ Gżira United u s-Sindku tal-lokal Conrad Borg Manche dwar l-impjant sportiv ippjanat parti mill-proġett ta’ Manoel Island, li s-Sindku qed jinterpretaħ bħala blokk bini flok grawnd tal-futbol, anke bħala parti mil-liġi tal-kummerċjaliżazzjoni, kunċett ta’ Tigne Point u kif qed ifasslu klabbs oħra b’din il-liġi, proġett kummerċjali li minnu tista tgawdi ukoll il-komunita u l-klabb tal-Futbol b’pitch fuq il-bejt.

Il-Kumitat tal-klabb jibqa tal-fehma li fil-proġett tal-grawnd f’Manoel Island tiġi nkluża l-liġi tal-kummerċjaliżazzjoni fl-istess żona kif jippermettu r-regolamenti mfassla mill-Gvern, biex il-klabb ikun aktar sostenibbli finanzjarjament u ma’ jibqgħax jiddependi fuq l-isponsors u l-investiment tal-President Sharlon Pace u nies oħra.

“Klabb immexxi bħalissa minn President dinamiku u b’viżjoni ċara fit-triq il-quddiem biex ma’ jidħolx fi kriżi wara li jagħmel it-terminu tiegħu fit-tmexxija”, qalu Gżira United.

Fi kliem id-diriġenza tal-Maroons il-pjanti f’dan il-proġett imorru kontra l-pjan fit-tul li l-klabb ilu jaħdem fuqu biex ikompli jgħolli l-livell, ikun aktar kompetittiv u jikkontribwixxi għal-komunita Gżirjana.

Fi stqarrija l-klabb giddeb id-dikjarazzjoni ta’ Borg Manche li rrepeta taħt ġurament li l-President tal-klabb Sharlon Pace kien qallu li kien lest li jwarrab mill-kariga jekk f’Manoel Island il-proġett ma’ jseħħx kif ilu tant f’moħħ id-diriġenza Gżirjana u konformi mal-liġi tal-kummerċjaliżazzjoni għall-klabbs sportivi madwar il-pajjiż biex ma’ jibqgħawx joperaw b’mod dilettantesk, jgħollu l-livell tagħhom u jibdew joperaw bħala kumpanija fuq sisien professjonali u ‘self-sustainable’.

Gżira United komplew jgħidu, “F’laqgħa ma’ Joseph Muscat meta dan kien Prim Ministru, huwa saħaq li l-proġett tal-klabb kien mod kif il-Futbol Malti jsir sostenibbli, kien anke favur il-proġett tal-Universita, liema proġett li iżda kien sab bibien magħluqa mill-istess entita edukattiva.

Anke hawnhekk skont il-klabb, Borg Manche kien kontra dan il-proġett biex sentejn wara, propju llum dal-ground tal-Universita għadu fi stat ta’ telqa.

Għeluq iebes minn Gżira United fil-konfront tas-Sindku Borg Manche li ddeskrivitu bħala persuna “irrelevanti” la darba qed jiddikjara li qed jitkellem f’ismu personali u mhux f’isem il-Kunsill, fiduċja sħiħa fil-Kunsill Gżirjan, iżda mhux fis-Sindku Conrad Borg Manche.

“Irid ikollok l-għardir tipprova tinsinwa li Sharlon Pace qed idaħħal il-flus mill-Gżira United FC meta kull membru tal-klabb jaf l-infieq tal-klabb fejn qed imur, diskussi u approvati kull sena waqt l-AGM u skont ir-regolamenti tal-UEFA, temmet tgħid l-istqarrija ta’ Gżira United Football Club.

Aktar qabel Borg Manche għamel serje ta’ dikjarazzjonijiet li fiċ-ċentru tagħhom kien hemm il-President Sharlon Pace u s-Segretarju tal-klabb, Dr. Ian Micallef, fost l-oħrajn akkużhom li qatt ma nteresshom mit-tfal tal-Gżira, “X’jiswa tkun Premier biex imbgħad tabbanduna n-Nursery u t-tfal tal-Gżira”, tenna Borg Manche.

Skont is-Sindku, l-Kumitat tal-klabb ma’ ridx in-Nursery timxi ‘l quddiem għax daw in-nies qatt ma’ nteresshom mit-tfal tal-Gżira.

“Daż-żgur li tgħid li l-ground mhuwiex vijabbli għax hekk jaqbel ħalli tagħmel xi ħaġa oħra vijabbli għalik mhux għal poplu, daqsi ġġilidt Sur President biex bl-aħjar mod Manoel Island ikun proġett għan-nies u tan-nies” tenna s-Sindku, Borg Manche.

Ir-reviżjoni tal-Master Plan ippublikat dan l-aħħar jipprovdi fost l-oħrajn aktar spazji miftuħa u huwa għalhekk li ż-żewġ naħat għadhom ferm il-bogħod minn xulxin dwar dan il-proġett tal-ground propost parti minn dan il-proġett ta’ Manoel Island.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com