Imnedija l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2021-2030

 Imnedija l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2021-2030

Lejn 2030 – Maż-Żgħażagħ u għaż-Żgħażagħ’ hija t-tema tad-dokument li jelenka l-politika nazzjonali taż-żgħażagħ għall-10 snin li ġejjin. Politika nazzjonali li se tipprovdi appoġġ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw u jikkontribwixxu fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell Ewropew. L-appoġġ imsemmi se jkun imsejjes fuq tmien għanijiet strateġiċi.

It-tnedija tad-dokument saret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima. Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Uffiċjal Nazzjonali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Gianluca Vella filwaqt li l-preżentazzjoni tad-dokument saret mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma. Hija spjegat li dan id-dokument hu frott ta’ ħidma sħiħa li rat numru sostanzjali ta’ stakeholders jingħaqdu flimkien f’konsultazzjoni pubblika, fosthom il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista, CRPD, NCPE, id-Direttorat tad-Drittijiet Umani, 100 Idea u aktar minn 40 intervent ieħor minn gruppi jew minn żgħażagħ individwali.

Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet liż-żgħażagħ bħala l-ħolqa tal-lum mal-bieraħ u ma’ għada, “Għalhekk għalina ż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur. Dan jirrifletti l-fiduċja kbira li għandna fiż-żgħażagħ f’dinja fejn l-isfidi huma kontinwi, sfidi li mhux talli ma jaqtgħulniex qalbna talli ndawruhom f’opportunitajiet. Se nkunu ta’ appoġġ u ta’ inkoraġġiment għaż-żgħażagħ u għall-adoloxxenti tagħna biex jilħqu l-potenzjal u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Se nkunu qegħdin nindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom u dak li jistgħu jikkunsidraw bħala ostakli għall-aspirazzjonijiet tagħhom. Bit-tnedija ta’ din il-politika nazzjonali għaż-żgħażagħ qegħdin nimplimentaw miżura oħra mħabbra fil-baġit għal din is-sena. Imma mhux biss hekk. Qegħdin inkattru l-fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna wara li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura esprimejna sens kbir ta’ fiduċja fihom bl-ogħti tal-vot mal-età ta’ 16-il sena”.

Il-Ministru Farrugia Portelli elenkat it-tmien għanijiet strateġiċi li fuqhom se jkun imsejjes l-appoġġ tal-gvern. “Se nisimgħu u nappoġġaw liż-żgħażagħ. Se norganizzaw riċerka fuq ħajjet iż-żgħażagħ filwaqt li niffaċilitaw it-tranżizzjoni miż-żgħożija għad-dinja adulta. Se nipprovdu appoġġ proattiv u li jista’ jgħin b’mod immedjat u nkunu ta’ appoġġ għal programmi varji nazzjonali għal żvilupp sostenibbli. Se jkunu faċilitati inizjattivi biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ filwaqt li jkunu żviluppati u mtejba prattiċi effettivi ta’ xogħol għaż-żgħażagħ. Se jkun assigurat kordinament effettiv u rabta fl-implimentazzjoni ta’ strateġija għaż-żgħażagħ,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li din il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ hi bbażata fuq is-suċċess tal-aħħar ħames snin waqt li tiffoka fuq it-tibdiliet u l-opportunitajiet li hemm għaż-żgħażagħ.

Is-segretarju parlamentari spjega li din il-politika hi inkorporata ma’ strateġiji nazzjonali oħra kif ukoll mal-politika internazzjonali u Ewropea għaż-żgħażagħ u għall-adoloxxenti. L-għan tagħha hu li tkun kemm jista’ jkun flessibbli u innovattiva, li tvarja minn dak lokali għal dak li hu nazzjonali u minn dak nazzjonali għal dik Ewropea u globali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li, “Din il-politika nazzjonali turina kemm il-gvern iħares lejn iż-żgħażagħ b’mod pożittiv u bħala riżorsa tas-soċjetà u tagħti direzzjoni lil Aġenzija Żgħażagħ waqt li tisħaq il-bżonn li l-Aġenzija tikkordina l-implementazzjoni ta’ din il-politika.”

L-Uffiċjal Nazzjonali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Gianluca Vella esprima s-sodisfazzjon li l-Kunsill kien ingħata opportunità daqstant tajba biex iwassal leħen iż-żgħażagħ.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Matthew Vella.

 

Ritratt: DOI / Jason Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com