€2.7 Miljun F’assistenza Diretta Għall-Kumitat Olimpiku Malti Għall-4 Snin Li Ġejjin

 €2.7 Miljun F’assistenza Diretta Għall-Kumitat Olimpiku Malti Għall-4 Snin Li Ġejjin

Parliamentary Secretary for Sport, Recreation and Voluntary Organisations Clifton Grima presides over the signing of MOU between SportMalta and the Malta Olympic Committee

F’konferenza stampa is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ppresieda l-iffirmar ta’ ftehim ġdid bejn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti li se jwassal biex SportMalta tgħaddi aktar minn €2.7 miljun lill-Kumitat Olimpiku Malti fuq perjodu ta’ 4 snin.

Is-Segretarju Parlamentari Grima qal li l-impenn tal-gvern li jassisti lill-Kumitat Olimpiku Malti sar biex il-kumitat ikun f’pożizzjoni aħjar u aktar indipendenti li jistabbilixxi minn qabel x’fondi għandu disponibbli biex jgħin fil-preparazzjoni tal-atleti, speċjalment f’kompetizzjonijiet kbar, u biex jorganizza dawn il-kompetizzjonijiet. Il-benefiċjarji, l-għaqdiet sportivi, se jkunu jistgħu jippjanaw fit-tul biex ikunu jafu l-allokazzjoni finanzjarja tagħhom.

“Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kumitat Olimpiku Malti se jkun f’pożizzjoni aħjar biex jippjana għal-logħob internazzjonali kif ukoll għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta fis-sena 2023. Barra minn hekk, il-gvern permezz ta’ SportMalta qed jaħdem fuq l-atleta professjonali u fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar investiment rekord li se jiġi investit fl-atleti individwali,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Grima.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li SportMalta tinsab entużjasta li għal darb’oħra qed tagħti pakkett finanzjarju rekord lill-Kumitat Olimpiku Malti. Ir-relazzjoni bejn l-ogħla żewġ entitajiet tal-isport fil-pajjiż hija eċċellenti, però SportMalta temmen fl-awtonomija tal-Kumitat Olimpiku Malti u għalhekk kuntratt fuq medda ta’ 4 snin ikun qed jgħin lill-assoċjazzjonijiet u lill-atleti biex jippjanaw fit-tul.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello qal li permezz ta’ dan il-ftehim, se nkomplu ngħinu lill-atleti elite tal-għaqdiet sportivi biex bl-impenn u bis-sagrifiċċji tagħhom u bis-sapport li jkollhom mingħand kulħadd, ikomplu jżidu fis-suċċessi fl-erba’ snin li ġejjin.

Dan il-ftehim qed ikopri wkoll sussidju totali fuq il-kera tal-uffiċini użati mill-Kumitat Olimpiku Malti, sussidju totali fuq il-kera tal-Functional Diagnostic Lab tal-Kumitati Olimpiku Malti u qed tagħti memberships għall-gym fil-Kumpless Sportiv Tal-Qroqq għall-użu tal-atleti tas-selezzjonijiet nazzjonali nominati mill-Kumitat Olimpiku Malti.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta u mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u tas-Segretarju tal-Kumitat Olimpiku Malti Joe Cassar.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com