“Se Nkun Ktieb Miftuħ Biex Ngħin Lil Dawn Iż-Żgħażagħ Għat-Tim Nazzjonali” – Gilbert Agius

 “Se Nkun Ktieb Miftuħ Biex Ngħin Lil Dawn Iż-Żgħażagħ Għat-Tim Nazzjonali” – Gilbert Agius

Fl-aħħar ġimgħat Gilbert Agius temm il-legat impressjonanti ferm li jmur lura ‘l fuq minn 30 sena mal-klabb ta’ qalbu, li fih twieled, trabba, għex u li miegħu lagħab, skorja, rebaħ u ċċelebra… VallettaFC.

Ftit tal-jiem ilu, mal-bidu ta’ Marzu, Gilbert qaleb il-paġna ta’ dan il-ktieb fil-karriera tiegħu u beda l-avventura tiegħu bħala kowċ ġdid tat-Tim Malti ta’ taħt il-21 sena.

Bħala player mat-Tim Nazzjonali, Gilbert lagħab 120 darba u skorja tmien goals.

“Huwa ta’ prestiġju għal kull kowċ li jkun parti mis-set-up tekniku tat-Tim Nazzjonali, wara ħafna snin ma’ klabb lokali b’logħbiet frekwenti taqbad ċerta rutina, imma issa qed inħares il-quddiem li naħdem b’mod professjonali f’settur daqshekk importanti li fih nista nifrex l-abiltajiet tiegħi.

“Dejjem nixtieq nikber, għalhekk din l-isfida se tiftaħli bibien ġodda u se tkun esperjenza ħafna differenti minn dik li għixt s’issa fl-aħħar 30 sena fil-Futbol.

Gilbert kompla jgħid, “Dejjem kelli esperjenzi sbieħ mat-Tim Nazzjonali bħala player, pero naħseb anke l-logħbiet ħżiena kienu mportanti biex kbirt fil-futbol u komplejt nitgħallem.

Kompla jgħid, “Jekk il-players taħti jridu jitgħallmu mill-esperjenzi tiegħi, jien dejjem se nkun ktieb miftuħ għalihom f’dak kollu li se jiġu bżonn fil-progress tagħhom.

“Fl-istrateġija imnedija dan l-aħħar mill-MFA hemm proġetti nteressanti ħafna, naturallment bħala kowċ lili tinteressani l-filosofija waħda ta’ futbol li qed tipprova tiġi addottata, rridu nkunu paċenzjużi, iżda nemmen li la hemm din l-istrategija, bir-rieda ta’ kulħadd fit-tul nistgħu naraw ir-riżultat fis-sens ta’ aktar potenzjal fit-triq il-quddiem għal dawn iz-żgħażagħ.

Kompetizzjoni li jmiss għal Malta U21 minn Settembru li ġej ma’ Spanja, r-Russja, s-Slovakkja, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Litwanja.

L-ex numru sebgħa ta’ Valletta u tat-Tim Nazzjonali Malti qalilna, “Il-grupp bħal dejjem huwa diffiċli, l-objettiv huwa li nrawmu lil dawn iż-żgħażagħ biex ikunu preparati għat-Tim Nazzjonali, li jilgħabu bl-istess filosofija ta’ logħob li jrid il-Head Coach Devis Mangia, ovjament ir-riżultati huma mportanti biex jgħinu fil-kunfidenza biex dak li jkun jemmen aktar fix-xoghol li jkun qed jaghmel, iżda l-objettiv huwa li ntuhom esperjenzi f’logħbiet internazzjonali biex ikunu lesti għat-Tim Nazzjonali.

“Aktar ma’ t-tfal jibdew minn eta’ żgħira u jifhmu xi jrid minnhom it-Tim Nazzjonali, aktar ikollna players preparati għas-snin li ġejjin, fil-kompetizzjoni li ġejja se jkollna ħafna players ġodda, iżda xogħlna huwa li nippreparawhom kemm jista jkun biex ikunu lesti jilħqu l-objettivi tagħhom u jirrapreżentaw lil pajjiżhom bl-aħjar mod possibli”, temm jgħid il-Kowċ Malti ġdid ta’ taħt il-21 sena, Gilbert Agius.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com