It-Tim Malti Tan-Nisa Fil-Grupp Li Jmiss Mad-Danimarka, r-Russja U L-Bożnija Fost L-oħrajn
It-Tim Malti tan-Nisa mmexxi mill-kowċ Mark Gatt tela’ biex jilgħab fi Grupp E fil-Kwalifikazzjoni li jmiss għat-Tazza tad-Dinja 2023, bl-avversarji tat-tfajliet Maltin ikunu d-Danimarka, r-Russja, l-Bożnija Herzegovina, l-Ażerbajġan u l-Montenegro.
Malta fil-livell tan-Nisa bħalissa jinsabu rrankjati fl-94 post u anke ġew promossi kategorija l-fuq f’dawn il-poloz, anke grazzi għar-riżultati pożittivi li t-tim kiseb fl-aħħar grupp ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2022.
It-Tim Malti filfatt għal dawn il-poloz kien fil-ħames pot, mat-Turkija, l-Ġorġja, l-Kosovo, l-Kazakstan, Moldova, Ċipru, Gżejjer Faroe u l-Latvja.
In-nisa Maltin telgħu biex jilgħabu kontra d-Danimarka għat-tieni kompetizzjoni nfila wara li diġa ltaqgħu magħhom darbtejn fl-aħħar kompetizzjoni għall-Kampjonat Ewropew, id-Daniżi huma b’saħħithom ferm fil-Futbol tan-Nisa.
Ir-Russja, l-Ażerbajġan u l-Montenegro se jiltaqgħu kontra n-Nisa Maltin għall-ewwel darba fuq livell kompetittiv.