Min Minnhom Se Jkun Il-Kapitali Ewropea Tal-Kultura 2031 – Ir-Rabat T’Għawdex U L-Birgu Jitfgħu N-Nomini Tagħhom

 Min Minnhom Se Jkun Il-Kapitali Ewropea Tal-Kultura 2031 – Ir-Rabat T’Għawdex U L-Birgu Jitfgħu N-Nomini Tagħhom

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta rċeviet żewġ applikazzjonijiet bħala rispons għal sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess minn bliet u reġjuni f’Malta u Għawdex sabiex ikollhom it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2031.

L-Espressjoni ta’ Interess tnediet f’Novembru 2020 u għalqet fil-31 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Sa din l-iskadenza daħlu żewġ sottomissjonijiet; waħda mill-Birgu għar-Reġjun tax-Xlokk u l-oħra mir-Rabat għar-reġjun ta’ Għawdex.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed tmexxi proċess matul il-ġimgħat li ġejjin. Se jsiru laqgħat mal-kandidati u f’Settembru se jsir seminar ma’ esperti Ewropej dwar is-suġġett biex iħejji lill-kandidati għall-proċess intensiv meħtieġ matul is-sentejn li ġejjin u biex jibdew jibnu n-netwerks tagħhom ma’ Kapitali Ewropej tal-Kultura oħra.

Wara Valletta 2018 Kapitali Ewropea tal-Kultura, belt fil-gżejjer Maltin se tissejjaħ Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031, skont skeda stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel fażi lokali tal-proġett stiednet lill-ibliet biex iħejju u jissottomettu l-proposta inizjali tagħhom permezz ta’ Espressjoni ta’ Interess lokali bejn Jannar u Marzu 2021.

Skont il-Programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Ewropa Kreattiva, l-inizjattiva hija mfassla biex tenfasizza r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa; tiċċelebra l-karatteristiċi kulturali li jaqsmu l-Ewropej; iżżid is-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini Ewropej għal żona kulturali komuni u trawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp tal-bliet.

Il-proċess lokali ta’ sottomissjonjiet inizjali qed ikun immexxi mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li kienet stabbilita bħala legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Parti mill-mandat tal-Aġenzija skont AL 427 tal-2018, huwa li: “tikkoordina l-proċess ta’ offerti għat-titolu li jmiss ta’ Belt Kapitali tal-Kultura għall-gżejjer Maltin”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com