Investiment Ta’ €3 Miljun Fi Proġett Akkwatiku Li Se Jkun Lest Għas-Sajf

 Investiment Ta’ €3 Miljun Fi Proġett Akkwatiku Li Se Jkun Lest Għas-Sajf

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima ħabbru li x-xogħlijiet fuq faċilità state-of-the-art tal-isport akkwatiku fit-Tramuntana tal-gżira jinsabu fi stadju avvanzat u se jitlestew fil-ħin għall-istaġun tas-sajf.

Il-kumpless akkwatiku l-ġdid, li fil-biċċa l-kbira tiegħu hu ffinanzjat mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar, se jinkludi pixxina li hija t-tieni l-akbar f’Malta, pixxina għat-tagħlim tat-tfal u pixxina fuq ġewwa bi tliet korsiji biex jiġi żgurat li t-taħriġ jista’ jsir is-sena kollha.

Il-Ministru Farrugia spjega li l-flus għal dan il-fond ġejjin minn żewġ sorsi differenti: kemm mit-tariffi li żviluppatur jħallas meta l-parkeġġ fuq il-post ma jkunx previst meta jingħata permess ta’ żvilupp, kif ukoll b’persentaġġ mill-miżati relatati mal-applikazzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni. Huwa qal li dawn il-fondi huma utilizzati, darba wara l-oħra, għal proġetti urbani, ambjentali, u soċjali li qed jagħtu lura lill-komunitajiet ta’ diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Il-Ministru Farrugia stqarr kif “Il-proġett mhux biss se jtejjeb iż-żona fi ħdan San Pawl il-Baħar, iżda iktar importanti minn hekk se jservi biex jilqa’ għad-domanda dejjem tikber li teżisti fir-reġjun tat-Tramuntana għal faċilitajiet sportivi akkwatiċi”.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li “Din hija faċilità li se tħares l-isport akkwatiku u li se tagħti l-għodda neċessarja lill-atleti tagħna. Dan kollu sar għaliex aħna nemmnu li l-isport huwa parti essenzjali mill-ħajja tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin”.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat għad-Development Planning Fund, Vincent Cassar qal li jinsabu kburin li appoġġjaw il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, liema proġett “huwa prova li meta organizzazzjoni, bħas-Sirens Aquatic Sports Club, ikollha l-viżjoni u l-approċċ professjonali biex twettaq proġett fuq skala kbira li jservi l-komunità usa’, nistgħu ngħinuhom biex isarrfuha f’realtà”.

Wieħed jinnota kif Sirens Aquatic Sports Club huwa wieħed mill-ikbar klabbs akkwatiċi f’Malta, b’aktar minn 350 atleta ta’ bejn il-5 u t-18-il sena jikkompetu fuq livell nazzjonali u internazzjonali kemm fl-għawm kif ukoll fil-waterpolo.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com