Kumpanija Maltija Tiżvilupp Prodott ‘DataDear’ B’Finanzjament Ta’ €161,000

 Kumpanija Maltija Tiżvilupp Prodott ‘DataDear’ B’Finanzjament Ta’ €161,000

Finanzjament ta’ €161,000 mogħtija mill-programm nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) wassal biex il-kumpanija Maltija Scope Solutions flimkien mal-Universita’ ta’ Malta tiżviluppa prodott ġdid bl-isem ta’ DataDear.

Fi żjara fl-uffiċini ta’ Scope Solutions, il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-Covid-19 Dr Owen Bonnici spjega li dan hu eżempju ieħor fejn finanzjament minn fondi għar-riċerka flimkien ma’ sinerġija bejn kumpaniji lokali u l-Universita’ ta’ Malta wasslu għall-ħolqien ta’ prodotti jew servizzi ġodda li mbagħad jiġu kkumerċjalizzati kemm lokalment u kif ukoll internazzjonalment. Il-prodott DataDear illum kiber u qed jagħti servizz lil madwar 10,000 klijent minn 30 pajjiż differenti, u hekk poġġa lil Malta bħala attur strateġiku f’dan is-settur.

Dawn l-aħħar snin l-industrija esperjenzat qabża mportanti mill-użu ta’ software tradizzjonali għal dak ibbażat fuq il-cloud li jirreferu għalih ukoll bħala Software as a Service jew SaaS. Waqt li s-sitwazzjoni li ġabet magħha l-COVID-19 għaġġlet dan il-proċess għal ħafna kumpaniji, il-kumpanija Scope kienet ilha taħdem fuq din il-bidla mill-2013.

Permezz ta’ riċerka intensiva, l-kumpanija kienet f’pożizzjoni li tati pariri u għajnuna lil kumpaniji oħra Maltin dwar kif jistgħu jagħżlu u jimplimentaw soluzzjonijiet cloud skont l-eżiġenzi tal-industrija li jaħdmu fiha.

Mir-riċerka li wettqet il-kumpanija Scope, identifikat opportunita’ importanti fil-qasam finanzjarju u allura kompliet billi nvestiet madwar €1,000,000 f’riċerka sabiex jagħtu l-possibilta’ lill-professjonisti mid-dinja finanzjarja u tan-negozju biex iħaddnu din it-teknoloġija u jsaħħu aktar l-intrapriżi tagħhom.

Din is-sistema tissinkronizza bejn data li tinsab fuq il-cloud u oħra li tintuża bil-mod tradizzjonali u b’hekk tiffaċilita trasferimenti ta’ data f’ambjent ikkontrollat. Permezz ta’ dan is-software accountants Maltin ikunu jistgħu jipproċessaw it-taxxa tal-VAT fi ftit minuti, fejn qabel dan il-proċess li jieħu sigħat ta’ xogħol.

Brian Ferris, wieħed mill-imsieħba ta’ Scope, qal li permezz tal-ħidma ta’ Scope ma’ professjonisti partikolarment fil-qasam tal-finanzi għal skopijiet cloud, inħolqot opportunita’ li mbagħad ingħatat il-ħajja permezz ta’ DataDear, f’forma ta’ prodott SaaS li hu sinerġetiku u integrat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com