Il-Gvern Kommess Li Jara Li R-Rakkomandazzjonijiet Tal-FATF Jiġu Indirizzati Fl-Inqas Żmien Possibbli

 Il-Gvern Kommess Li Jara Li R-Rakkomandazzjonijiet Tal-FATF Jiġu Indirizzati Fl-Inqas Żmien Possibbli

F’konferenza li saret illum il-Financial Action Task Force, l-FATF ikkonfermat li Malta tpoġġiet fil-lista l-griża u li ħa tkun suġġetta għal żieda fil-monitoraġġ dwar il-qasam tal-ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu. Flimkien ma’ Malta żdidu wkoll il-Haiti, il-Filippini u s-Sudan f’din il-lista.

Il-President tal-FATF Marcus Pleyer qal li “l-FATF tirrikonoxxi li Malta għamlet progress tajjeb f’numru ta’ oqsma, madankollu jibqgħu kwistjonijiet serji”. Dan wara li fl-2019 kien sar rapport li fih jissemmew nuqqasijiet li għandha Malta fis-settur finanzjarju. Il-President tal-FATF sostna li wara dan ir-riżultat l-Gvern Malti wera impenn politiku qawwi biex ikompli jwettaq dawn il-bidliet neċessarji.

Fost miżuri li Malta jeħtieġ li tindirizza nsibu l-ħtieġa li tissaħħaħ l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u taħdem aktar fuq reati kriminali marbuta ma’ evażjoni ta’ taxxa u każijiet ta’ ħasil tal-flus, iżżid l-użu tal-intelliġenza finanzjarja u li tassigura li l-informazzjoni dwar is-sidien tal-kumpanija f’Malta (Ultimate Beneficial Owners/UBOs) huma trasparenti, aġġornati u preċiżi.

F’reazzjoni għal dan il-Gvern tenna li jemmen li Malta ma jixirqilhiex tkun fuq il-lista l-griża minħabba l-għadd ta’ riformi li twettqu u li wasslu għal progress tanġibbli fl-abbiltà ta’ Malta li tipprevjeni, taqbad u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament għat-terroriżmu.

Minkejja dan, il-Gvern stqarr li hu kommess li jkompli jaħdem mal-FATF biex jara li r-rakkomandazzjonijiet li għadhom iridu jiġu indirizzati, jiġu indirizzati fl-inqas żmien possibbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com