Il-Proposta Għal Pagi Minimi Adekwati Fl-UE Miexja Fid-Direzzjoni T-Tajba
Malta tibqa’ tisħaq li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar paga minima adekwata tkun flessibbli u tirrifletti r-realtajiet speċifiċi tal-istati membri, tenna il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela waqt li pparteċipa fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, fil-Lussemburgu.
Il-Ministru Carmelo Abela tenna li pajjiżna dejjem emmen li filwaqt li l-ħaddiema kollha għandhom ikollhom paga adekwata, din il-proposta għandha tkun flessibbli biex tirrifletti r-realtajiet nazzjonali ta’ kull stat membru, u kull ftehim fuq livell Ewropew għandu wkoll jirrispetta l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u l-prinċipju tan-negozjar kollettiv.
Il-Ministru Abela tkellem dwar l-importanza tad-djalogu soċjali u aċċena għal fatt li l-Gvern Malti kabbar l-importanza tad-djalogu soċjali fosthom b’portafoll ministerjali għal dan l-għan, kif ukoll bil-konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet oħra bħall-MCESD u l-Bord tar-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi. Spjega li l-pandemija fetħet sfidi ġodda għall-ħaddiema self-employed u dawk fil-platform economy u qal li l-ħaddiema kollha għandhom ikollhom il-protezzjonijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol iktar imsaħħa irrispettivament mit-tip ta’ xogħol li jagħmlu.
Fir-rigward tal-pjan ta’ azzjoni maqbul waqt il-laqgħa tal-mexxejja Ewropej f’Porto x-xahar li għadda, il-Ministru Abela qal li l-miri maqbula se jgħinu biex jindirizzaw sfidi soċjo-ekonomiċi li nħolqu fil-pandemija u jassiguraw il-kwalità tal-impjiegi. Il-miri jirrikjedu impenn qawwi mill-imsieħba kollha sabiex il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza jiġu żġurati.
Il-Ministru Carmelo Abela sostna li l-Gvern Malti se jibqa’ jaħdem sabiex fuq livell Ewropew ikun hemm iktar ugwaljanza u inqas diskrimininazzjoni.