18-il Xahar Ħabs Wara Li Ammetta Li Għamilha Ta’ Pulizija U Froda Diversi Persuni

 18-il Xahar Ħabs Wara Li Ammetta Li Għamilha Ta’ Pulizija U Froda Diversi Persuni

Raġel ta’ 37 sena kien ikkundannat 18-il xahar ħabs wara li wieġeb ħati li għamilha ta’ pulizija u froda diversi persuni permezz ta’ ċitazzjonijiet foloz li kien jagħti lil nies li jara bla maskra b’dawk li jirrifjutaw jgħidilhom li kien se jarrestahom.

Jon Charles Seabrook, imwieled l-Ingilterra u joqgħod l-Isla, ammetta li bejn it-8 u l-10 ta’ Lulju li għadda f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan ħa f’idejh il-funzjoni ta’ Uffiċjal Pubbliku u għamel qligħ b’qerq għad-dannu ta’ erba’ turisti u prova jagħmel l-istess fil-konfront ta’ ieħor. Il-Pulizija bdiet tirċievi rapporti u mill-ewwel bdiet bl-investigazzjonijiet u l-osservazzjonijiet, u r-raġel ġie arrestat f’Tas-Sliema.

Huwa ammetta wkoll li insulenta jew hedded tnejn mit-turisti u li kiser sentenzi oħra tal-Qorti. Ir-raġel għadu kemm ħareġ mill-Ħabs ftit ilu.

Fil-Qorti ħareġ li Seabrook ikkopera mal-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha u fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija kien ammetta li wettaq dawn ir-reati. Id-Difiża u l-Prosekuzzjoni qablu li l-piena kellha tkun ta’ 18-il xahar ħabs u kien għalhekk li l-Qorti kkundannatu l-imsemmija piena.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia mill-Ispetturi Jessica Bezzina u Leeroy Balzan Engerer.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com