Ftehim Soċjali Ta’ Aktar Minn €2 miljun Mal-Fondazzjoni Nazareth

 Ftehim Soċjali Ta’ Aktar Minn €2 miljun Mal-Fondazzjoni Nazareth

Il-gvern, permezz tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u Aġenzija Sapport, iffirma ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Nazareth li jammonta għal aktar minn €2 miljun – preċiżament €2,034,428. Dan l-investiment, li huwa €624,428 aktar mill-ftehim inizjali, se jkun qed ikopri 29 sodda għal persuni b’xi forma ta’ diżabilità. Is-servizz se jkun qed jingħata minn tlett idjar li għandha l-Fondazzjoni Nazareth fiż-Żejtun – Dar Nazareth, Dar l-Arċipriet Degabriele u Dar Madre Tereża.

Il-Fondazzjoni tippromwovi l-abilitajiet varji tar-residenti fid-djar tagħha billi ta’ kuljum tressaq lejn il-ħanut tax-xogħol tagħha residenti biex, fost affarijiet oħra, jitgħallmu jaħdmu xogħol tal-idejn, jaqraw u jiktbu.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli attendiet għall-iffirmar tal-ftehim u ddeskrivietu bħala “konferma tad-determinazzjoni u kemm il-gvern huwa kommess li jkompli jgħin u jassisti persuni b’diżabilità. Huwa ftehim li permezz tiegħu l-gvern qiegħed jirrikonoxxi u jkompli jsaħħaħ il-fiduċja u l-investiment tiegħu fis-servizz provdut mill-Fondazzjoni Nazareth u li jkompli jkabbar il-kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u Fondazzjoni Nazareth.”

F’Mejju u Ġunju li għaddew saru erba’ ftehimiet soċjali simili mal-Fondazzjoni Wens, mal-organizzazzjoni mhux governattiva Dar il-Kaptan, mal-Fondazzjoni ALS Malta – Dar Bjorn, u mal-Fondazzjoni Arka bil-valur komplessiv, inkluż dak mal-Fondazzjoni Nazareth huwa ta’ madwar €15-il miljun.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet l-apprezzament tagħha għal dan l-investiment. Bħalissa l-Fondazzjoni għandha tlett idjar li fihom 29 resident jgħixu f’ambjent ta’ familja estiża 24 siegħa kuljum u jkunu mħarsin minn carers 24 siegħa kuljum. Saħqet li permezz ta’ dan l-investiment il-Fondazzjoni tkun f’pożizzjoni li tkompli taghti kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawn ir-residenti.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella qal li dan il-ftehim huwa eżempju ħaj li l-gvern qed ikompli jinvesti r-riżorsi neċessarji sabiex persuni b’diżabilità jgawdu kwalità tal-ħajja li tassew jixirqilhom. Apparti minn hekk, din il-Fondazzjoni qed tkompli ssaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet tar-residenti fi ħdanha sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras saħqet li l-impenn tal-Aġenzija hu li tara u tassigura li kull persuna li tagħmel użu minn dawn is-servizzi residenzjali tingħata attenzjoni individwali permezz ta’ programmi li jindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom wara li jsir l-assessjar meħtieġ, filwaqt li jibqgħu jiġu segwiti minn tim multi-dixxiplinarju fl-Aġenzija. Is-Sinjura Sciberras qalet ukoll li permezz ta’ dan il-ftehim, persuni b’diżabilità residenti f’waħda mid-djar immexxija minn organizzazzjoni mhux governattiva jirċievu servizz tal-istess kwalità bħal dawk offruti mill-aġenzija nazzjonali. ​

 

Ritratt – DOI / Geoffrey Zarb Adami

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com