“Il-Gvern Għandu Jaċċetta T-Talba Tal-Iskejjel Tal-Ingliż Biex Jiftħu Biss Għal Studenti Ivvaċċinati.” – Il-PN

 “Il-Gvern Għandu Jaċċetta T-Talba Tal-Iskejjel Tal-Ingliż Biex Jiftħu Biss Għal Studenti Ivvaċċinati.” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li “wara li l-Gvern ħa diversi deċiżjonijiet immaturi u bla viżjoni, huwa ċar li bin-numru ta’ każi tal-COVID-19 jitilgħu b’ritmu xokkanti, l-Gvern qed jitlef il-kontroll u m’għandux viżjoni.” Żiedu jgħid u li l-vouchers ta’ €300 messhom ingħataw biss lit-turisti vvaċċinati bħala inċentiv u mhux lil kulħadd u l-ftuħ tas-settur turistiku ried ikun aktar kawt.

Il-PN qed jisħqu li l-Gvern għandu jassigura nfurzar ferm aktar strett fil-portijiet, jassigura contact tracing rigoruż u jindirizza s-sitwazzjoni tal-istudenti tal-Ingliż li nqabdu Malta wara li kien il-Gvern stess li nkoraġġihom jidħlu, tennew fl-istqarrija.

Huma saħqu li l-istudenti li m’humiex ivvaċċinati issa m’għandhomx skola fejn imorru. Dan ifisser li għandna eluf ta’ studenti li qed iduru minn post għall-ieħor u mhux miġburin f’post wieħed.

Il-PN qed jgħid li “l-iskejjel tal-Ingliż m’humiex il-problema, imma jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni. Il-Gvern għandu jaċċetta t-talba tal-iskejjel tal-Ingliż biex jiftħu biss għal studenti ivvaċċinati. Għandu wkoll jassisti lill-istess skejjel li lesti li joffru t-tagħlim online imma l-Gvern qed iħallihom ifendu għal rashom.”

Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar tal-istqarrija appella biex il-poplu kollu jkun viġilanti f’dan il-mument delikat li qed jara l-ħidma u s-sagrifiċċju ta’ dawn l-aħħar xhur tisfuma fix-xejn għad-detriment ta’ saħħet il-poplu, tal-impatt fuq l-ekonomija u t-telf tal-impjieg ta’ eluf ta’ persuni.

Ritratt: languageinternational.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com