Inċentivi Ġodda Għan-Negozji – ‘Change To Grow’ U ‘ReStart’

 Inċentivi Ġodda Għan-Negozji – ‘Change To Grow’ U ‘ReStart’

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli varat numru ta’ inizjattivi oħra bl-għan li tissaħħaħ l-attività ekonomika tan-negozji Maltin u Għawdxin.

“Biex nassistu lin-negozji f’xenarju post-Covid-19, qed nistiednu lin-negozji biex jirrikorru għal dawn l-iskemi, bl-għan li jiżviluppaw il-ħiliet sostenibbli tagħhom u dawk diġitali biex jiddiversifikaw l-operat tagħhom”, qalet il-Ministru Miriam Dalli f’konferenza tal-aħbarijiet.

Permezz ta’ dawn l-iskemi, il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli flimkien mal-Malta Enterprise, qed jibnu fuq l-għajnuna u inċentivi mħabbra ftit tax-xhur ilu, fejn ġew iddedikati total ta’ €20 miljun.

Permezz tal-iskema ReStart, in-negozji eliġibbli se jkunu qed jibbenefikaw minn €5,000 fejn tingħatalhom konsulenza professjonali, biex ikunu jistgħu jerġgħu joperaw mill-ġdid in-negozju tagħhom. Barra minn hekk, Malta Enterprise se testendi din l-għajnuna għal €10,000 sabiex dawn in-negozji jkunu jistgħu jimplimentaw il-pariri li jingħatawlhom mill-konsulenti.

“Dan jorbot ma’ spejjeż ta’ operat bħalma huma l-kummerċjalizzazzjoni, il-kirjiet u s-servizzi relatati ma’ reklutaġġ ta’ impjegati ġodda”, spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Skema oħra hija dik ta’ Change to Grow, fejn Malta Enterprise se tkun qed tiffinanzja programmi ta’ konsulenza għal kumpaniji sabiex iġeddu l-mudelli ta’ negozju tagħhom biex ikunu iktar kompetittivi. Filwaqt li qabel, din l-għajnuna kienet tammonta sa €5,000, il-Malta Enterprise irdoppjat l-għajnuna għal €10,000 biex parti mill-għajnuna tmur għall-investiment, riżultat tal-konsulenza li tkun saret.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li, “Malta Enterprise qiegħda taħdem fuq żewġ binarji – minn lat minnhom qed tħaffef fil-proċess tal-ħlasijiet tal-iskemi li jnaqqsu mid-daqqa tal-COVID bħall-OneTime Grant u dalwaqt anke l-iskema tar-renta. Dan filwaqt li fuq binarju ieħor qed tniedi wkoll inċentivi ġodda iffukati biex in-negozji tagħna jdawru paġna ġdida u jsibu l-appoġġ professjonali biex jinbidlu għall-futur”.

Listi tal-konsulenti approvati tinsab fuq il-website tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, li hija sħab f’dawn l-iskemi, madanakollu konsulenti oħra xorta jistgħu jikkwalifikaw. Business First se tagħti wkoll gwida fuq l-iskemi u l-applikazzjonijiet.

Intant, Malta Enterprise ħabbret li ser tibda tħallas l-għajnuna tal-OneTime Grant lill-kumpaniji eliġibbli filwaqt li ħeġġet lill-kumpaniji li rċevew l-email bi stedina għal din l-iskema sabiex idaħħlu l-applikazzjoni tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit regeneration.maltaenterprise.com, jibgħat email fuq [email protected], jew iċempel fuq 144.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com