L-Eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici Jiċċelebra Għeluq Sninu
Stradarjali.com tawgura lill-eks Prim Ministru ta’ Malta Dr Karmenu Mifsud Bonnici f’għeluq it-88 sena tiegħu. Mifsud Bonnici huwa bin it-tabib Lorenzo Mifsud Bonnici u Caterina Buttigieg.
Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fi skola tal-gvern u daħal il-Liċeo fejn imbagħad gradwa b’Baċċellerat tal-Arti mill-Università ta’ Malta. Fl-1954 hu kiseb Dottorat fil-Liġi. Bejn l-1967 u 1968 kompla l-istudji tiegħu fit-Tassazzjoni u l-Liġi Industrijali f’ University College London. Fl-1968, huwa beda jgħallem l-Liġi Fiskali u Industrijali fl-Università ta’ Malta.
Meta kien student kien membru attiv fl-Azzjoni Kattolika, u mbagħad, anke fil-Moviment Żgħażagħ Ħaddiema Insara bħala konsulent legali. Mifsud Bonnici kien ukoll membru tal-bord editorjali tal-ġurnal “Il-Ħaddiem” ippubblikat mill-istess moviment.
Kien maħtur bħala konsulent tal-General Workers Union fl-1969.
Kien fl-1980, meta Mifsud Bonnici nħatar Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fuq proposta tal-Perit Mintoff u fl-1982 bħala mexxej suċċessur. Fit-2 ta’ Mejju 1982, Karmenu Mifsud Bonnici kien co-opted fil-Parlament wara r-riżenja tal-Membru Parlamentari Pawlu Xuereb u kien maħtur bħala Ministru tax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali. Fil-5 ta’ Settembru 1983, inħatar Deputat Prim Ministru Anzjan u Ministru tal-Edukazzjoni. F’dan iż-żmien kien hemm il-Kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja li l-Gvern riedhom ikunu b’xejn għal kulħadd.
Mifsud Bonnici ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru fit-22 ta’ Diċembru 1984, wara li dak in-nhar stess fil-Parlament il-Perit Dom Mintoff ħabbar ir-riżenja tiegħu. Huwa kien l-ewwel Priministru li qabel inħatar qatt ma kien ikkontesta elezzjoni.
Awguri minn Stradarjali.com