L-Universita’ Jiksbu Post Fil-finali Tal-FMA Challenger Cup

 L-Universita’ Jiksbu Post Fil-finali Tal-FMA Challenger Cup

L-Universita’ ta’ Malta rebħu d-decider għar-raba’ post tal-klassifika tal-kampjonat nazzjonali tal-FMA wara li għelbu lil Mellieħa Futsal bl-iskor ta’ 4-2.

Kienet logħba bejn żewġ timijiet li spiċċaw bl-istess numru ta’ punti fil-klassifika u kienet meħtieġa decider sabiex wieħed minnhom jikseb post fil-finali tal-FMA Challenger Cup.

Wara bidu xi ftit diżappuntanti, l-Universitarji kibru ferm f’dawn l-aħħar ġimgħat u r-riżultati tajbin li kisbu għenuhom jilħqu l-objettivi tagħhom.

Min-naħa tagħhom, Mellieħa, fl-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni fil-kampjonat lokali tal-futsal, kellhom staġun ferm sodisfaċenti u taw sehemhom għal-logħba ferm sabiħa.

Essa Benatiya kien strumentali għall-Universita’ ta’ Malta hekk kif skorja doppjetta b’Alex Ellul u Stefan Camilleri jżidu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Sadanittant f’aktar partiti li ntlagħbu matul din il-ġimgħa, St George’s Futsal komplew bil-mument pożittiv tagħhom meta għelbu lil Naxxar Lions Futsal bl-iskor ta’ 2-1. Fl-istess waqt, Qormi u Marsaskala kellhom konfront ferm eċitanti għalkemm kienu tal-ewwel li rebħu bl-iskor ta’ 5-4.

Sadanittant it-Tnejn filgħaxija fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport se jintlagħbu s-semifinali tal-FMA Amateur play-offs fejn fl-ewwel partita Mellieħa jaffaċċjaw lil Naxxar filwaqt li fit-tieni logħba, Ta’ Xbiex ikunu mpenjati kontra St George’s.

Ritratt: Joe Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com