Ma’ Dan Il-Moviment, Ma’ Dan Il-Partit, Ma’ Din L-Amministrazzjoni L-Ġdida, Taf Fejn Qiegħed.” – Il-PM Robert Abela

 Ma’ Dan Il-Moviment, Ma’ Dan Il-Partit, Ma’ Din L-Amministrazzjoni L-Ġdida, Taf Fejn Qiegħed.” – Il-PM Robert Abela

“Tmintax-il xahar ilu ndirizzajt din il-konferenza ġenerali għall-ewwel darba bħala Mexxej tal-Partit Laburista. Dakinhar, kont naf li qed nieħu t-tmexxija tal-Partit, u tal-Pajjiż, fi żmien delikat ħafna. Kelli sett ta’ prijoritajiet ċari li magħkom ridt li mmexxu ‘l quddiem.  Emmint, u hekk għadni nemmen, li kien sar ħafna tajjeb. Imma li kien hemm fejn ridna nkunu onesti magħna nfusna, u ngħidu li kellna nbiddlu d-direzzjoni.  Għax meta nkunu onesti ma’ xulxin, nagħrfu t-tajjeb ta’ xulxin, u n-nuqqasijiet, u hekk nagħtu direzzjoni ‘il fejn irridu mmorru, u kif se nkunu verżjoni aħjar tagħna nfusna.”

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista filwaqt li spjega kif meta sar Mexxej, kellu sett ta’ prijoritajiet ċari li bihom emmen li seta’ jmexxi pajjiżna ‘l quddiem sakemm wara biss ftit ġimgħat fil-kariga kellu jħabbat wiċċu ma’ pandemija qalila.

Il-Prim Ministru kompla billi qal li l-għażla li n-nies iridu jagħmlu f’pajjiżna hija bejn il-kompetenza u d-dilettantiżmu.

“Il-kompetenza – li rat Gvern li f’mument daqstant diffiċli ma nħakimx minn paniku, anzi baqa’ jieħu l-pariri ta’ nies kompetenti, filwaqt li jixtarr u jieħu d-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn…Fuq in-naħa l-oħra hemm l-għażla l-oħra li għandu l-poplu –dik tad-dilettantiżmu. F’nofs pandemija, minflok Oppożizzjoni soda li tappoġġja lil pajjiżna kellna u għad għandna partit maqsum.” Hekk tenna Robert Abela.

Robert Abela qal kif dan hu l-istil ta’ tmexxija li jemmen fih – li b’deċiżjonijiet li jittieħdu b’mod bilanċjat u mingħajr passi frenetiċi biex inkomplu ntejjbu l-ħajja tan-nies.

Robert Abela semma u faħħar ukoll il-proċess tal-100 IDEA. Idejat għal Malta t’ għada. Il-profondita’ u l-ħsieb li ħareġ minn dawn il-100 idea juru li dan il-partit jaf jirrifletti u jaf jixtarr il-mument li qed ngħixu fih.  Proċess li saħansitra anke lill-Gvern iżommu fuq ponot subgħajh.

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif minn dejjem emmen li l-pajjiż igawdi meta jkollu Oppożizzjoni soda.

“Oppożizzjoni soda iżda ma tinbeniex billi tibdel persuna jew tnejn, jew billi d-daħħal lil xi ħadd. Oppożizzjoni soda tiġi minn politika ta’ konvinzjoni – fejn tkun iebsa fil-kritika tal-Gvern, imma b’mod li toffri alternattiva politika.  Għandna Oppożizzjoni li mehdija fil-logħob partiġġjan biss, u mhux tgħid x’temmen hi.

Ara Aħna – Ħobbna jew ikkritikana – Ma’ dan il-moviment, ma’ dan il-Partit, ma’ din l-Amministrazzjoni l-Gdida, taf fejn qiegħed.

Robert Abela kompla jenfasizza dwar ir-riformi radikali li saru f’governanza tajba u b’istituzzjonijiet b’saħħithom li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

“Saħħaħna l-istrutturi tal-pajjiż u l-liġijiet li wassluna biex istituzzjonijiet internazzjonali li kienu kritiċi ħafna ta’ Malta – il-Kummissjoni Venezja, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Moneyval – irrikonoxxew il-progress kbir li għamilna f’dan il-qasam ukoll, bidliet kbar li saru fi żmien meta konna qed nilqgħu ukoll għall-isfidi kbar tal-pandemija.

Din il-ħidma kollha, bla ħinijiet u bla waqfien, ma kienetx biżżejjed biex nevitaw illi l-FATF tpoġġina fuq lista ta’ osservazzjoni.  Ħa nagħmilha ċara – nemmen illi din ma kienetx deċiżjoni ġusta fuq il-pajjiż, u li jistħoqqilna ħafna aħjar.” Saħaq il-PM Robert Abela.

Tkellem ukoll dwar kif dan hu Gvern li qed iżomm l-aspett soċjali bħala prijorita’, billi nħarġu aktar minn biljun ewro. F’assistenza soċjali bla ma żdiedet id-dipendenza.

“U fil-budget li ġej se naraw li nsaħħu l-pagi, u naraw li t-taxpayer jingħata dak li ħaqqu.  Insaħħu n-nefqa fuq is-saħħa, fuq l-edukazzjoni, fuq l-ispiża soċjali – imma naraw li dan nagħmluh bil-għaqal.

Minn issa nista’ nassigurakom li mhux se nżidu taxxi.” Tenna Robert Abela.

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru temm jgħid li “l-għażla lil min se tafda l-pajjiż f’dan iż-żmien kruċjali qatt ma kienet aktar ċara. Huwa għalhekk li hemm bżonn l-esperjenza fit-tmexxija. Ta’ min jibqa’ kalm u determinat quddiem sfidi li naffaċċjaw. Għalhekk hemm bżonn ta’ enerġija u onesta’ biex dan il-pajjiż dejjem immexxuh ‘il quddiem. Biex flimkien nibnu pajjiż aħjar għal-lum u għal għada.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com