Monsinjur Victor Grech Jingħata Ġieħ Iż-Żejtun

 Monsinjur Victor Grech Jingħata Ġieħ Iż-Żejtun

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun onora bl-onorfiċjenza ta’ Ġieħ iż-Żejtun, f’għeluq l-25 sena minn meta beda jingħata dan il-ġieħ, lil Mons. Victor Grech, waqt serata li tellgħat il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju fi Ġnien l-Għannejja Żwieten.

Barra l-onorfiċjenza ta’ Ġieħ iż-Żejtun fl-istess serata ngħataw diversi rikonoxximenti oħra, lis-Sur Joe ‘Powerful’ Falzon, li kien jagħmel diversi wirjiet spettakolari li juri saħħa barranija fosthom li ġibed ajruplan tal-Airmalta, lis-Sinjura Joyce Pace, li taħdem b’risq l-anzjani u l-persuni b’diżabilità, lil Rev. Jean-Claude Schembri u Rev. Roderick Baldacchino, żewġ żgħażagħ li laħqu qassin mill-Parroċċa taż-Żejtun din is-sena, lil Tenisha Thorton, champion lokali tal-weightlifting, lis-Sur Joseph Gauci, il-President taż-Żejtun Corinthians li bis-saħħa tiegħu ż-Żejtun is-sena li għaddiet telgħu l-ewwel darba Premier, lill-Profs. Anthony Bonnano għall-ħidma tiegħu b’risq il-konservazzjoni tal-patrimonju lokali l-aktar biex tiġi mħarsa l-Villa Rumana taż-Żejtun, u lis-Sur Paul Żammit, is-sagristan tal-Parroċċa.

“Kien fiż-Żejtun illi għaraft il-vokazzjoni saċerdotali tiegħi…kien fiż-Żejtun illi sibt gwida fil-ħajja spiritwali tiegħi, minn Mons. Salv Grima… kien fiż-Żejtun illi jien ġejt introdott biex nibda x-xandir fuq Radju Malta minn Manni Spiteri… kien fiż-Żejtun li għamilt l-ewwel quddiesa tiegħi…kien fiż-Żejtun li għamilt l-ewwel xogħol pastorali tiegħi maż-żgħażagħ u anke man-nies batuti. Jien qsamt maż-Żwieten il-ferħ u anke n-nieket, hekk kif waqt il-Gwerra f’attakk fuq iż-Żejtun ommi u ħija korrew serjament tant li damut tlett xhur l-isptar,” tenna Monsinjur Grech.

Mons. Victor Grech tweiled fid-19 ta’ Ottubru 1929 f’Bormla, iben Joseph Grech u Catherine Gafa’, fejn illum għandu 91 sena. Ommu u missieru żżewġu ż-Żejtun fl-1926 fil-Kappella tal-Ispirtu s-Santu. Missieru Joseph kien minn Bormla, filwaqt li ommu Catherine twildet iż-Żejtun fl-1897, hekk kif il-familja kollha tagħha kienu miż-Żejtun. Il-familja ta’ missieru jingħad ukoll li għandhom rabta maż-Żejtun, hekk kif nanntu Victoria Diacono (omm missieru) tiġi mis-Surmast Żejtuni Carlo Diacono. Wara li żżewġu l-ġenituri ta’ Dun Victor maru joqgħodu Bormla peress li missieru kien jaħdem fin-navy Ingliża.

Fl-1939 minħabba l-Gwerra l-familja Grech telqu minn Bormla, u għamlu sena joqgħodu f’Raħal Ġdid, sa kemm imbagħad ġew iż-Żejtun bħala refuġjati tal-gwerra. B’hekk Dun Victor ġie joqgħod iż-Żejtun fl-età ta’ 11-il sena. Huma kienu joqgħodu f’Nru. 15, Triq l-Ispirtu s-Santu. Bħala sens ta’ solidarjetà fi żmien il-Gwerra il-familja tiegħu taw is-sular ta’ fuq lil familja minn Bormla, biex ikunu refuġjati hemmhekk ukoll. Waqt it-traġedja tal-Gwerra tat-2 ta’ Mejju, 1942, li seħħet fil-Pjazza taż-Żejtun omm u ħu Dun Victor kienu fost il-midruba.

Mons. Victor Grech, wara li gradwa mill-Università ta’ Malta laħaq saċerdot fis-17 ta’ Marzu tal-1956, wara l-formazzjoni li ħa fil-Parroċċa taż-Żejtun, flimkien ma’ Dun Joe Abela, Dun Joseph Scerri u Dun Anġ Seychell. Din is-sena għalaq 65 sena bħala saċerdot. Dun Victor ħa l-formazzjoni nisranija tiegħu fiż-Żejtun, fejn kien attiv ħafan u anki kien kandidat fil-Mużew, fejn laħaq soċju. Infatti l-ewwel quddiesa tiegħu għamila ż-Żejtun. Fejn mill-ewwel prietki tiegħu fiż-Żejtun, in-nies kien isammarhom. Fil-ħajja saċerdotali tiegħu jibqa’ msemmi għall-eżerċizzi li kien jagħmel fi żmien ir-Randan li kienu jiġbdu numru kbir ta’ nies lejhom, fosthom numru kbir ta’ żgħażagħ, fejn kien jimla l-Palace ta’ Raħal Ġdid, il-kwartieti tal-MUSEUM tal-Blata l-Bajda u l-Knisja ta’ Santa Tereża f’Birkirkara. Għal żmien twil kien ir-rettur tas-seminarju, mill-1962 sal-1977, fejn imbagħad fl-1977 sal-2014 serva bħala Delegat tal-Arċisqof fis-segretarjat tal-ħidma soċjali u l-azzjonijiet tal-karità. Fl-1990 inħatar ukoll bħala kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral u serva bħala President tal-Kapitlu għal 8 snin sħaħ. Fl-1968 kien innominat bħala l-kappillan tal-Papa Pawlu VI. Hu jibqa’ msemmi wkoll għall-programmi li kien jagħmel għal 40 sena sħaħ fuq Radju Malta fuq problemi personali tan-nies, li ħafna kienu jsibu faraġ b’dawn il-programmi, fosthom il-programm ‘Fejn Tmur il-Qalb’. Għal 10 snin sħaħ ukoll Dun Vitcor kellu programm fuq l-RTK. L-aktar li jibqa’ msemmi peress li serva bħala d-direttur nazzjonali tal-Moviment Caritas. Dun Victor f’ħajtu ppubblika wkoll tliet kotba, fosthom fuq il-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ.

Għamel 37 sena bħala direttur tal-Caritas, bejn l-1977 u l-2014, fejn kien wieħed mill-fundaturi ta’ Caritas Europa wkoll. Dun Victor serva fuq il-bord internazzjonali tal-Caritas u anki dak ta’ Caritas Europa, meta ġiet imwaqqfa. Fuq dawn il-bordijiet hu dejjem emmen li kull bniedem għandu d-dinjità li jgħix bħala tifel ta’ Alla. Mons. Grech dejjem kellu għal qalbu ż-żgħażagħ u kien jara potenzjal kbir fihom b’hekk f’Mejju 1977 waqqaf il-Caritas Youth Volunteer Group biex iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jgħinu lill-foqra u lin-nies vulenrabbli. Bis-saħħa tiegħu u l-volontiera tal-Caritas f’pajjiżna ħadmu fuq diversi problemi soċjali, fosthom taw għajnuna li min għandu dipendenza fuq id-droga, l-alkaħol, u lin-nies li għaddejin minn faqar u inġustizja soċjali.

Fl-1993 għall-ħidma tiegħu fil-qasam soċjali u ta’ karità ingħata Ġieħ ir-Repubblika u fl-1994 għall-għajnuna uminitarja tiegħu ngħata l-Lions Club International Award. Fl-2012 Dun Victor ġie mgħoti il-premju taċ-Ċittadin tas-Sena mill-Parlament Ewropew għall-kontribut li hu ta lill-komunità Maltija u b’hekk kien xieraq li din is-sena mill-65 sena tal-ordinazzjoni tiegħu jingħata wkoll il-ġieħ li laqgħatu fi ħdanha f’tfulitu u żgħożitu.

Awguri Monsinjur Grech u lill-persuni l-oħra li ngħataw rikonoxximent għall-ġid li jwettqu f’isem raħal twelidhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com