Reżiljenza Tfisser Li Minn Sfida Nsawru Opportunità

 Reżiljenza Tfisser Li Minn Sfida Nsawru Opportunità

Waqt laqgħa informali tal-ministri għall-affarijiet barranin tal-Unjoni Ewropea fis-Slovenja, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar il-koordinazzjoni fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-pandemija u qal li meta qed naraw il-każi fl-Ewropa kollha jerġgħu jiżdiedu minħabba li reġa’ beda l-ivvjaġġar, jeħtieġ li tibqa’ tkun segwita s-sitwazzjoni u li l-istati membri jkunu lesti jirrevedu u jirfinaw fejn meħtieġ il-miżuri kollha li qed jittieħdu kontra l-pandemija.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi stqarr ukoll li Malta qed tappoġġja l-pożizzjoni tal-Presidenza Slovena dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, is-saltna tad-dritt u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Demokrazija.

Tkellem ukoll dwar il-programm tal-Presidenza Slovena fuq it-tibdil fil-klima u qal li Malta se tkun kostruttiva fid-diskussjonijiet li qed isiru waqt li żżomm fuq quddiem iċ-ċirkustanzi uniċi ta’ pajjiżna.

Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li jeħtieġ li jsir progress urġenti fuq il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, partikolarment dwar il-mekkaniżmu tas-solidarjetà. Huwa stqarr li biex jieqaf it-tluq tal-migranti lejn l-Ewropa u jsir ir-ritorn tagħhom jeħtieġ li tiżdied il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.

Dwar it-tema tar-reżiljenza, is-segretarju parlamentari qal li jeħtieġ li mill-pandemija l-Unjoni Ewropea toħroġ aktar b’saħħitha u li tkun tgħallmet mill-esperjenza li għaddejjin minnha. Huwa qal li bla dubju l-istati membri għandhom ikunu dejjem preparati għal dak li jista’ jinqala’, u f’dan ir-rigward irrimarka dwar kemm hija siewja l-inizjattiva Ewropea dwar approċċ strateġiku dwar il-ġejjieni (Strategic Foresight Network). Li pajjiż ikun preparat ifisser li jiġu identifikati r-riskji u li jinvesti fi pjanijiet dwar kif għandu jiffaċċja sfidi, li jkollu pjanijiet ta’ azzjoni, pjanijiet ta’ kommunikazzjoni kif ukoll stress tests imħejjija. Dawn kienu affarijiet li l-Unjoni Ewropea tgħallmet li jeħtieġ li jkollha għall-ġejjieni.

Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-ħtieġa li anke fil-futur, tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-istati membri kollha u anke ma’ pajjiżi terzi f’mument ta’ kriżi. Huwa tenna li f’mumenti bħal dawn huwa importanti li s-Suq Waħdieni Ewropew jibqa’ jiffunzjona għaliex għal gżira stat bħal Malta il-funzjonament ta’ dan is-suq huwa importanti immens.

Ritratti: OPM_PS

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com