Mumenti Speċjali Għall-Patrijiet Franġiskani Konventwali

 Mumenti Speċjali Għall-Patrijiet Franġiskani Konventwali

Il-Patrijiet Franġiskani Konventwali, fil-jiem li għaddew, iċċelebraw żewġ mumenti speċjali fil-ħajja tal-provinċja tagħhom. Dawn ġraw it-Tnejn 26 ta’ Lulju u t-Tnejn 2 ta’ Awwissu 2021 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Burmarrad li din is-sena qed tfakkar il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa.

Fra Mauro Zammit, żagħżugħ ta’ 22 sena minn Birkirkara temm in-novizzjat f’Assisi l-Italja. F’din iċ-ċelebrazzjoni hu wiegħed li jimxi wara Ġesù fuq l-eżempju ta’ San Franġisk ta’ Assisi billi jgħix fl-ubbidjenza, fil-faqar u fil-kastità. Fil-ġimgħat li ġejjin fra Mauro jibda l-istudju tal-filosofija u t-teoloġija f’Padova.

Eżatt ġimgħa wara, Patri Robert Calleja, kien Ordnat Djaknu minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna. Minn issa, Patri Robert, huwa msejjaħ ukoll biex ixandar l-Evanġelju ta’ Ġesù permezz tal-eżempju ta’ ħajtu u tal-predikazzjoni.

Il-Patrijiet fi stqarrija tennew li huma grati għal dawn iż-żewġ aħwa li l-Mulej qiegħed jagħtihom biex flimkien magħhom jaqsmu ħajjtihom bħala għotja ta’ mħabba lil Alla għas-servizz tal-bnedmin kollha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com