“Robert Abela Maqtugħ Minn Nies’ – Il-Partit Nazzjonalista

 “Robert Abela Maqtugħ Minn Nies’ – Il-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li f’intervista ta’ madwar 40 minuta, il-Prim Ministru Robert Abela ħela ħafna mill-ħin tiegħu fi ftaħir mingħajr ma indirizza l-problemi reali li qed jaffaċċja l-poplu Malti. Każ ta’ Prim Ministru li mhux jagħti każ dak li qed iħossu n-nies.

Intqal li fid-diskors tiegħu Robert Abela ddefenda l-proġett ta’ Marsaskala u emfasizza li s-sejħa li ħarġet minn Infrastructure Malta mhux se tiġi rtirata, bl-iskuża li dan il-proġett jista’ jgħolli l-valur taz-zona. Saħaq li f’dan il-pajjiż “ma nistgħux nibqgħu ngħidu le għal kollox”. Dan minkejja s-sentiment ta’ rabja li hemm fost ir-residenti ta’ din il-lokalità.

“Robert Abela rrefera wkoll għall-kwalità tal-ħajja u fid-dagħdigħa ta’ ftaħir naqas milli jsemmi l-pjaga tal-għoli tal-ħajja li qed tkun ta’ piż qawwi fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

Dwar il-ftuħ tal-iskejjel Robert Abela reġa’ ma ta l-ebda indikazzjoni dwar kif dan se jseħħ u għalhekk qed iħalli kemm lill-edukaturi wisq aktar lill-istudenti u lill-ġenituri f’sitwazzjoni ta’ inċertezza. Dan ghaliex hu aktar moħħu fid-data tal-elezzjoni minflok is-serhan il-moħħ tal-persuni li jattendu u jaħdmu fil-qasam edukattiv.

L-anqas ma semma x’ħa jiġri mill-Ministru Edward Zammit u Lewis u għaliex għażel li jżommu miegħu.

Din l-intervista uriet biċ-ċar kemm il-Prim Ministru huwa maqtugħ mir-realtajiet li qed jgħix il-poplu Malti u Għawdxi.” temmet tgħid l-istqarrija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com