“Gvern Ġdid Nazzjonalista Ser Ikun Il-Gvern Tiegħek U Għalik” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

 “Gvern Ġdid Nazzjonalista Ser Ikun Il-Gvern Tiegħek U Għalik” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

F’Diskors li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu fuq NET FM qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jagħti l-opportunita’ lill-komunitajiet biex jipproponu huma stess permezz tal-Kunsill Lokali żoni li jistgħu jkunu organizzati fi spazji pubbliċi biex jitgawdew minn kulħadd.

Bernard Grech qal ukoll li ħa jkun qed jniedi aktar proposti dwar l-ambjent fejn qed iħares lejn proposti li jkollna żoni residenzjali, fejn il-pubbliku jista’ jgawdi żoni bla karozzi u bla tniġġis.

Mistoqsi dwar il-proġett tal-Gvern li jagħmel marina f’Marsaskala , Bernard Grech qal li “marina kif proposta mhux aċċettabbli. Aħna qegħdin mal-Iskalin, Marina f’Wied il-Għajn kif proposta mhux aċċettabbli, imma aħna se nkun qed naħdmu għal aktar organizzazzjoni ta’ dgħajjes.”

Huwa semma wkoll li għandu jsir investiment fil-pixxina fil-ponta taż-Żonqor għaliex dan huwa post li jista’ jagħti ħafna ħin liberu ta’ kwalità lill-familji tan-nofsinhar ta’ Malta.

Il-Kap tal-PN semma wkoll proposta li tkellem fuqha matul din il-ġimgħa fejn qal li l-PN jekk ikun fil-Gvern se jkun qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li japprova għajnuna speċjali mill-istat ta’ €40 miljun biex negozji żgħar u medji jkunu jistgħu jtaffu l-impatt finanzjarju qawwi meta jesportaw u jimportaw il-merkanzija. Dan sabiex in-negozji Maltin jkunu jistgħu jikkompetu ma’ swieq oħra.

Dwar l-għoli tal-ħajja Bernard Grech qal li ħa jkun qed jindirizza din il-problema. Huwa qal li għandu jkun hemm moniteraġġ kontinwu tal-prezzijiet u kif qed tkun affettwata x-xirja ta’ kuljum. Grech saħaq li l-PN ħa jkun qed jagħmel reviżjoni tal-COLA li tkun tirrifletti l-għoli tal-ħajja.

Finalment Bernard Grech fakkar fis-sit kunilbidla.com u ħeġġeġ lin-nies sabiex jidħlu u jiktbu l-idejat tagħhom. “Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun il-Gvern tiegħek u għalik,” temm jgħid il-Kap tal-PN Bernard Grech.

Ritratt: Matthew Tabone

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com