“Nħossni Ddispjaċut Għat-Tfal Tiegħi Li Tilfu Dak Kollu Li Konna Nagħmlu Fit-Tfulija Tagħna…” – Peter Agius

 “Nħossni Ddispjaċut Għat-Tfal Tiegħi Li Tilfu Dak Kollu Li Konna Nagħmlu Fit-Tfulija Tagħna…” – Peter Agius

“Kif nista’ nwaqqaf lit-tifel minn fuq dik it-tablet?”

Din hija mistoqsija li ħafna ġenituri jagħmlu, kulħadd għandu opinjonijiet differenti, però żgur li din hija problema li trid tiġi diskussa u tinstab soluzzjoni.

“Din hija l-akbar sfida tal-ġenituri llum”, hekk kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu Peter Agius, il-Kelliem ewlieni tal-PN. Din hija problema komuni li s-soluzzjonijiet għaliha huma varji.

Peter Agius fil-każ tiegħu fid-dar prova jdaħħal sistema fejn jumejn fil-ġimgħa jkunu ‘off-all-technology’. Fost il-kummenti ta’ nies li qasmu l-ħsibijiet tagħhom fuq dan is-suġġett jidher li kulħadd jipprova jsib is-sistema tiegħu sabiex it-tfal ma jkunux daqshekk dipendenti mit-teknoloġija.

Ħafna drabi t-tfal qed jispiċċaw jagħmlu ġranet fuq it-tablet mingħajr tant wisq ħin biex jissoċjalizzaw jew jagħmlu eżerċizzju fiżiku.

“Nħossni ddispjaċut għat-tfal tiegħi li tilfu dak kollu li konna nagħmlu fit-tfulija tagħna – dawk il-mixjiet fil-kampanja, is-sajd, l-artiġjanat u proġetti tal-iskola, issa parzjalment sostitwiti bil-logħob virtwali,” tenna Agius.

Huwa kompla jgħid li jrid jkun hemm il-bilanċ filwaqt li l-ġenituri għandhom id-dmir li jiddeċiedu huma x’inhu l-aħjar għat-tfal tagħhom u d-dritt tat-tfal għal ħin liberu bl-aħjar mod.

Peter Agius ikkonkluda billi ftakar f’kliem li kien qallu darba raġel: “Aħseb dwarha, li tkun ġenitur huwa l-aktar xogħol diffiċli, li għalih ma jkollok l-ebda taħriġ!”

X’taħseb dwar dan il-ħsieb?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com