Il-Gvern Se Jkun Garanti Biex Individwi Bi Kwistjonijiet Mediċi Jew B’Diżabilità Jkunu Jistgħu Jsiru Sidien Ta’ Darhom

 Il-Gvern Se Jkun Garanti Biex Individwi Bi Kwistjonijiet Mediċi Jew B’Diżabilità Jkunu Jistgħu Jsiru Sidien Ta’ Darhom

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar l-iskema New Hope Guarantee, fl-Aula Magna tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta.

Permezz tal-iskema New Hope Guarantee, il-gvern se jkun garanti biex individwi bi kwistjonijiet mediċi jew b’diżabilità jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Il-gvern, permezz  tal-Awtorità tad-Djar, se jkun qed joffri garanzija li se tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li se tintuża bħala residenza primarja.

Applikant li ma jirnexxilux jikseb polza tal-assigurazzjoni għandu japplika għal din l-iskema. Dan tal-aħħar ikun mitlub jippreżenta dokumentazzjoni mingħand tabib jew speċjalist fuq il-kundizzjoni tiegħu. L-Awtorità tad-Djar u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità se jivverifikaw id-dokumenti sottomessi biex ikun żgurat li ma jkunx hemm ebda abbuż.

Il-Ministru Roderick Galdes fisser kif il-garanzija New Hope ġabet ottimiżmu ġdid fost żgħażagħ li sal-lum ma setgħux isiru sidien ta’ darhom minħabba diżabilità jew raġunijiet mediċi; “Iltqajt ma’ ħafna persuni li spjegawli li, minħabba d-diżabilità tagħhom, meta ġew biex jixtru post sabu imblokk hekk kif dawn ma ngħatawx life policy. Ma ħarisniex biss lejn il-bżonnijiet tal-maġġoranza, imma rajna kif il-minoranza tingħata l-għajnuna wkoll u din il-minoranza llum għandha tama ġdida.”

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli stqarret li l-fatt li kien kważi kompletament impossibbli li persuna b’diżabilità tinħarġilha polza ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja biex setgħet tirrikorri għand bank kummerċjali għal self biex tixtri residenza kien qed jirrendi sitwazzjoni li teskludi lill-persuna b’diżabilità minn din il-faċilità.

“Il-kelma esklużjoni m’għandhiex postha fil-vokabolarju tal-gvern, anzi l-oppost. Naħdmu għall-inklużjoni kompleta. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) ilha taħdem biex titneħħa din l-anomalija. Ħadmet qatigħ biex wara konsultazzjonijiet anke ma’ entitajiet barranin fasslet pjan li ġie preżentat lill-gvern u li eventwalment wassal biex inħoloq grupp interministerjali u kienet parti mit-tim li fassal l-iskema New Hope Guarantee.”

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan fakkret li s-CRPD ilha tagħmel ir-riċerka sabiex din l-anomalija tiġi indirizzata, biex b’hekk persuni b’diżabilità u oħrajn jistgħu jkunu rikonoxxuti bħala konsumaturi u jkollhom aċċess sħiħ għas-suq tal-proprjetà u jsiru sidien ta’ darhom.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, fejn qal li bħal fi skemi oħrajn qed nikkommettu li noffru proċess spedit fl-iskema New Hope wkoll. Huwa spjega li immedjatament wara li jiġu provduti dokumenti meħtieġa se jsir kuntatt mal-Kummissjoni għal Persuni b’Diżabilità biex isiru r-riċerki neċessarji.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com